wyd-logo

Bi tħejjija għaż-żjara ta’ madwar 10,000 żagħżugħ u żagħżugħa b’diżabilita f’Madrid għaċ-ċelebrazzjonijiet marbuta mal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, għadd ta’ voluntiera qed jirċievu taħriġ speċjali biex ikunu jistgħu joffru l-għajnuna tagħhom.

Il-Fondazzjoni Alares iffirmat ftehim mal-organizzaturi tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ u l-kollaboratriċi, il-Fondazzjoni Vivo f’Madrid, dwar programm ta’ taħriġ tal-voluntiera biex jgħinu lill-persuni b’diżabilita.

Il-Fondazzjoni Alares hi kommessa li tgħallem lill-voluntiera sabiex jagħtu l-aħjar servizz possibbli. Il-President tal-Fondazzjoni, Javier Benavente, qal li l-ftehim “hu sfida kbira ta’ responsabbilta u importanza”, waħda mill-iktar responsabbiltajiet importanti li l-Fondazzjoni qatt irċeviet. Fost affarijiet oħrajn, il-Fondazzjoni hi ddedikata għall-integrazzjoni tal-persuni b’diżabilita fin-negozji.

It-taħriġ tal-voluntiera se jsir fuq għadd ta’ livelli – edukazzjoni ġenerali tagħhom u taħriġ speċjali lil dawk li se jaħdmu direttament mal-persuni diżabbli.