• ***

    Direttur: Michael Bay

    Atturi: James Badge Dale, John Krasinski, Max Martini, Dominic Fumusa, Pablo Schreiber, David Denman, Toby Stephens u Freddie Stroma

    Ħin tal-Film: 144min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.

    Klassifika taċ-Ċensura: 12

    Klassifika tal-Knisja: 15

    Fl-2012, Benghazi, ġewwa l-Libja, kienet saret magħrufa bħala l-iktar post perikoluż fid-dinja. Ħafna kienu dawk il-pajjiżi li għalqu l-ambaxxati tagħhom għaliex bdew jibżgħu xi attakk minn militanti Islamiċi. L-Amerika iżda żammet miftuħ Konsulat magħruf bħala Annex  u li kienet ġiet protetta minn tim ta’ sitt  membri ta’ CIA, b’kuntratt, u  li darba kienu sservu fil-militar Amerikan. Ir-rekluta Jack Da Silva jasal ġewwa Benghazi u jingħaqad mat-tim. L-Ambaxxatur għal Libja, J. Christopher Stevens jaghmel żjara ġewwa Benghazi fejn qieghed jogħqod ġewwa post diplomatiku mil ’il bogħod mill-Annex. Kien hemm jieħdu ħsiebu ħames membri tas-sigurta’ barra wkoll li kien assistit minn membri tal-militia lokali u l-pulizija. It-tim tal-Annex  ġie mogħti r-responsabilta’ li jsuquh u jipproteġġuh. Matul il-lejl, grupp ta’ militanti Islamiċi jattakkaw il-post fejn kien Stevens. Scott Wickland, wieħed mill-gwardji,  daħħal lil Stevens u lil Smith, li kien ġie bħala espert ta’  IT,  ġewwa kamra tas-sigurta’. Il-post iżda jiġi maħruq u meqrud. Wickland jirnexxielu jaħrab  għalkemm tilef kuntatt ma’ Stevens u Smith. Is-sitt 200membri tal-Annex jidħlu fl-azzjoni għalkemm il-kap tagħhom kien kontra li huma jieħdu sehem. X’jiġri minn hawn? Tgħid isibuhom  lill-ambaxxatur Stevens u lill-Smith?  Il-qagħda tkompli tiħrax meta l-militanti din id-darba jattakkaw l-Annex. Kollox kien jidher li s-sitt membri tas-sigurta’ kienu jinsabu f’sitwazzjoni kritika ħafna. Kif sejjer jirnexxielhom iżżommu l-attakk aħrax li l-militanti Islamiċi neddew, b’għan li jeqirdu mhux biss l-Annex iżda wkoll li joqtlu lil kull min isibu hemm ġew?         

    Film Amerikan, mimli azzjoni, bbażat fuq storja vera, taħt id-direzzjioni ta’ Michael Bay, kitba ta’ Chuck Hogan. Jirrakonta l-ġrajja li sitt membri tas-sigurta’ għaddew minnha biex jiddefendu l-post Amerikan diplomatiku ġewwa Benghazi fejn l-Ambaxxatur Amerikan Stevens gie jagħmel żjara qasira biex iniedi paċi bejn fazzjonjiet differenti. Minħabba ġlied imdemmi, kliem goff kif ukoll t-tema tal-istorja fiha nfisha, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax –il sena. Numru ta’ xeni mill-film inġibdu ġewwa Malta.