David Bereit

Hekk kif il-jum tal-Ġimgħa hu tifkira tas-37 anniversarju minn mindu ngħatat id-deċiżjoni tal-Qorti Amerikana biex jiġi legalizzat l-abort, qed jiġu mnedija 40 kum ta’ kampanja favur il-ħajja, did-darba f’156 belt u fi tliet pajjiżi. Id-Direttur Nazzjonali tal-Organizzazzjoni, David Beriet, qal fi stqarrija għall-istampa, li waqt li “ħafna jaraw dan l-anniversarju u daż-żmien bħala wieħed imdallam”, hu jarah bħala “żmien ta’ tama kbira”. Hu kompla jispjega li jara tama fil-fatt li dawk li jappoġġjaw il-ħajja fil-pajjiż, u fil-Kanada u l-Awstralja, huma “lesti li jingħaqdu u jżommu 40 jum għal kampanja favur il-ħajja”.

Mis-17 ta’ Frar sat-28 ta’ Marzu li ġej, persuni f’156 belt se jorganizzaw talb u sawm, vġili kontinwi favur il-ħajja quddiem kliniċi fejn isiru l-aborti u anki attivitajiet tal-komunita affavur il-ħajja. Bereit spjega li din il-kampanja, li tibda fl-Erbgħa tal-Irmied u li se tkun qed tikkonċedi ma’ żmien ir-Randan, se tissottolinea “is-sejħa għas-sagrifiċċju li għandu jkun ċentrali għall-40 jum sħaħ favur il-ħajja”.

Huwa kompla jgħid li “li jinżamm talb quddiem klinika fejn isir l-abort jitlob sagrifiċċju, partikolarment f’postijiet fejn hemm kesħa u temperaturi baxxi, saħansitra kundizzjonijiet diffiċli tat-temp”. Huwa kompla jaċċenna għall-fatt li kull sforz jagħti r-riżultat tiegħu minħabba li qabel l-interessi personali ta’ kull individwu jinġiebu l-kawżi komuni. Bereit afferma li waqt li ħafna qed jinkoraġixxu iktar aborti u fondi biex dawn isiru, “ħafna nisa qed jirrealizzaw il-verita dwar l-abort”. Temm jgħid li “ħafna nisa qed jirrifjutaw l-abort bħala għażla għax qed jagħrfu li hu promozzjoni tal-kultura tal-mewt”.