• Matul dan il-Ġublew tal-Ħniena, bil-motto “Inħennu bħall-Missier”, il-Katidral tal-Imdina ser jingħaqad mal-Knisja Universali fiċ-Ċelebrazzjoni tal-24 siegħa għall-Mulej. Il-Knejjes madwar id-dinja ġew mitluba, fejn possibbli, li jiddedikaw 24 siegħa sħaħ għas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, biex tiżgura li l-adorazzjoni Ewkaristika tkun akkumpanjata minn dan is-sagrament.
    Dan il-mument speċjali se jsir fil-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina, illum il-Ġimgħa u għada s-Sibt 5 ta’ Marzu. L-Adorazzjoni Ewkaristika se ssir fil-Kappella tas-Santissmu Sagrament mill-4:15 p.m., u s-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni ser jsir fil-Kappella tas-Salib Imqaddes sal-5:45 p.m. tas-Sibt. Il-Katidral se jibqa’ miftuħ matul il-ħin kollu.
    ‘Jiena Naħfirlek’ fis-Seminarju tal-Arċisqof
    Illum ukoll bejn id-9:00 p.m. u l-11:00 p.m. se jsir servizz penitenzjali miftuħ għal kulħadd, immirat partikolarment għaż-żgħażagħ li fih se jkun hemm il-possibiltà tal-Qrar minn diversi saċerdoti. Dan is-servizz penitenzjali, bl-isem ta’ ‘Jiena Naħfirlek’, se jinkludi l-kontribut tal-Y4J Band. Wara, jibda pellegrinaġġ fit-toroq tar-Rabat u l-Imdina b’kurċifiss impitter apposta għall-okkażjoni mill-artist u seminarista David Borg, b’innijiet tal-Mixja Neo-Katekumenali. Il-pellegrinaġġ jintemm fil-Bieb tal-Ħniena tal-Katidral tal-Imdina. 
    Attivita’ f’Ruma
    F’Ruma, il-Papa Franġisku se jippresiedi ċelebrazzjoni Penitenzjali “Ċelebrazzjoni ta’ Maħfra”, fil-Bażilika ta’ San Pietru, bl-għan li s-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni jieħu post ċentrali fil-Missjoni tal-Knisja fl-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida.