• ***

    Direttur:          Mc G
    Atturi:              Kevin Costner, Amber Heard, Hailee Steinfeld, Connie Nielsen, Richard Sammel u Eriq Ebouney
    Ħin tal-Film:    117 min.
     
    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A
    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      15

    Ethan Renner, aġent ta’ esperjenza kbira fi CIA, jaħdem flimkien ma’ tim biex jaqbdu lil Albino, assistent prinċipali ta’ The Wolf,  traffikant tal-armi. Albino iżda jagħraf lil wieħed mill-aġenti u jintebaħ li qiegħed ikun segwit. Wara li joqtol lil wieħed mill-aġenti, għalkemm ma jinqabadx, Renner jirnexxielu jolqtu f’riġlu.  Sadanittant, Vivi Delay, tfajla sbejħa, li taħdem għal CIA bħala assassina, tiġi mqabbda mid-Direttur biex toqtol lil Wolf. Waqt din l-operazzjoni, hi tintebaħ li Renner, mingħajr ma kien jaf, kien ra lil Wolf. Renner fil-preżent jinsab marid serjament b’kankru f’moħħu u t-tobba ma jtuħx aktar minn tliet xhur ħajja.  Għal ħafna snin, minħabba x-xogħol, Renner abbanduna lill- familja, martu Christine u bintu Zoey. Issa li baqgħalu ftit ħajja x’jgħix, xtaq ħafna li jara kif jagħmel biex jerga’ forsi jibda relazzjoni aħjar mal-familja tiegħu, speċjalment mat-tifla, issa tfajla ta’ sittax –il sena. Meta jerġa’ lura f’ Pariġi, fejn kienet toqgħod il-familja tiegħu u hu stess kellu appartament għalih, isib li fl-appartament ikunu daħlulu familja Afrikana . Skond il-liġi Franċiża, minħabba li kienet ix-xitwa, Renner ma setgħax ikeċċi l-familja ‘l barra sakemm tgħaddi x-xitwa.  Wara li jirnexxielu jagħmel kuntatt ma’ Christine u Zoey  u jgħidilha fuq il-marda tiegħu, Christine tafdalu lil Zoey għal ftit jiem minħabba li hi kellha tmur għal ftit jiem fuq xogħol.  Sadanittant Vivi jirnexxielha tikkonvinċih biex joqtol lil Wolf wara li offrietlu  bħala kumpens droga esperimentali li kien hemm ċans tajjeb li ttawwalu għomru bi ftit snin. Kif sejjer jagħmel biex Renner joqtol lil Wolf biex b’hekk jestendi għomru  u hekk igawdi l-familja?  Tgħid  jirnexxielu,  waqt li martu tkun imsiefra,  jibda relazzjoni ta’ missier ma’ Zoey? X’effett jibda jkollha fuqu d-droga li offrietlu Vivi?

    Film mimli azzjoni, bi storja tajba iżda mimli vjolenza u qtil brutali barra wkoll xi xeni ta’ tortura u użu ta’ kliem goff għalkemm joħrog tajjeb l-isforz li għamel Renner biex jerġa’ jingħaqad mal-familja tiegħu.  Tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax–il sena.