4given – il-programm televiżiv għas-sajf li ġej. Programm, li għal 13-il ġimgħa sħaħ ser iżommilkom kumpanija fuq Net TV. Il-preżentatriċi ta’ din is-sensiela hija żagħżugħa simpatika – Bernice Abdilla.

Is-suġġett prinċipali  li Dr John Bonnici Mallia ser jaqsam magħna hu “Fittex lil Wiċċu”…  Wiċċ ta’ min ser infittxu? Kif, meta, għaliex għandu l-bniedem ifittex lil Wiċċ Ġesù? X’ser jiggwadanja?  Il-ferħ interjuri tagħna minn fejn ser jiġi? Insolvu l-problemi b’daqshekk?

Il-programmi ser ikunu mzewqin sew. Ser jinkludu drama, żfin, music videos oriġinali, mimi u   testimonjanzi ta’ nies li għaddew minn esperjenzi ferm qawwija ta’ fejqan. Din is-sena, għall-ewwel darba, Kirsten Pulis, il-preżentatriċi tas-sena l-oħra, ser tagħmel feature kompletament ġdid li ser jindirizza lit-tfal. Ir-reċti li ser jagħmlu huma stess u l-krafts li ħejjitilna, zġur ser ikomplu jagħmlu dan il-programm uniku fil-ġeneru tiegħu .

L-Eċċelenza Tiegħu l-Arċisqof Mons. Paul Cremona O.P. reġa’, għal din is-sena wkoll, laqa’ l-istedina tagħna biex flimkien ma’ xi żgħażagħ tal-Komunità Marana Thà, jiddiskuti b’mod interessanti ħafna l-Vanġelu tal-Ħdud billi jwieġeb għall-mistoqsijiet tagħhom.

Feature ieħor li naħsbu li ser jintgħoġob ħafna hu, li ser naraw diversi positjiet mill-Art Imqaddsa. Uħud, ukoll membri tal-Komunità, li ħadu sehem f’pellegrinaġġ hemmhekk, ser jaqsmu mat-telespettaturi l-esperjenzi qawwija tagħhom f’dan il-post meraviljuż –Israel X’laqathom l-iżjed meta mxew fuq il-passi ta’ Sidna Ġesù?

Il-programmi ser jibdew jixxandru kull nhar ta’ Erbgħa, mis-6 ta’ Lulju, wara l-aħbarijiet tas-7.45 p.m. ta’ filgħaxija, b’ripetizzjonijiet oħra matul il-ġimgħa.

Ser ikun hemm membri tal-Komunità Marana Thà biex iwieġbu għat-telefonati fuq in-numri li ser jidhru waqt il-programmi kollha. Jistgħu jintbagħatu wkoll messaġġi fuq in-numru 79474447.