Numru kbir ta’ organizzazzjonijiet mis-soċjetà ċivili u korpi kostitwiti ppreżentaw petizzjoni lill-Parlament fl-aħħar tentattiv biex jikkonvinċu lill-Gvern jintroduċi qafas regolatorju aktar b’saħħtu. Il-petizzjoni, li ġiet approvata wkoll mill-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca, titlob lill-Parlament biex jemenda l-abbozz ta’ liġi propost billi jemenda sitt aspetti tal-liġi.

L-għan tal-proposti hu li jinħoloq qafas regolatorju aktar b’saħħtu u jittaffew ir-riskji possibbli għas-soċjetà li din il-liġi tista’ ġġib magħha. Is-sitt punti li qed jiġu proposti jinkludu:

  • tiżdied l-età meta l-konsum tal-kannabis isir legali permezz tal-abbozz minn 18 għal 25;
  • tiżdied d-distanza tal-klabbs tal-kannabis minn skejjel, ċentri taż-żgħażagħ u istituzzjonijiet post-sekondarji minn 250 metru għal kilometru;
  • jiġu rduppjati l-multi għat-tipjip tal-kannabis quddiem it-tfal u fil-pubbliku;
  • titneħħa l-possibbiltà permessa fil-liġi li l-kannabis titkabbar f’residenzi maġenb l-iskejjel;
  • tiġi regolata l-ammont ta’ THC permess fil-kannabis;
  • titneħħa r-referenza għall-kampanji edukattivi msemmija fl-abbozz ta’ liġi biex tinżamm b’mod ċar is-sitwazzjoni preżenti, fejn il-kampanji tal-Gvern dwar l-użu tad-droga jiffokaw esklussivament fuq miżuri ta’ prevenzjoni li jispjegaw ir-riskji tal-użu tal-kannabis.

Il-petizzjoni qed issir hekk kif l-għadd ta’ organizzazzjonijietli li jirrappreżentaw is-setturi kollha tas-soċjetà u firxa wiesgħa ta’ msieħba soċjali jemmnu li l-kwistjoni hi waħda kritika b’implikazzjonijiet estensivi għas-soċjetà.

Il-Gvern injora bosta emendi raġonevoli u bilanċjati u insista li jgħaddi qafas regolatorju dgħajjef ħafna li jirriskja li jħalli impatt negattiv kbir fuq is-soċjetà, speċjalment fost it-tfal, iż-żgħażagħ u l-aktar vulnerabbli, qalet Caritas Malta fi stqarrija dwar il-petizzjoni li ħarġet it-Tlieta.

Il-petizzjoni qed titlob lill-membri parlamentari biex jisimgħu l-vuċijiet tal-organizzazzjonijiet kollha, korpi kostitwiti, esperti mediċi, edukaturi, professjonisti mill-qasam psikosoċjali, akkademiċi, organizzazzjonijiet bi snin ta’ esperjenza fil-qasam tal-prevenzjoni tad-droga, persuni li kienu jagħmlu użu mid-droga u ħafna oħrajn li kollha esprimew it-tħassib serju tagħhom dwar din il-liġi proposta.

F’dan l-istadju fid-dibattitu parlamentari, l-organizzazzjonijiet u l-individwi, li jirrappreżentaw eluf ta’ partijiet interessati, qed jagħmlu appell lill-membri parlamentari biex jirriflettu fuq ir-riperkussjoni negattiva wiesgħa li din il-liġi tista’ ġġib fuq is-soċjetà u biex tal-inqas jintroduċu dawn l-emendi mitiganti.

Għadd ta’ akkademiċi mill-Fakultà għall-Benessri Soċjali tal-Università ta’ Malta u individwi oħra ingħaqdu wkoll mal-organizzazzjonijiet biex jiffirmaw il-petizzjoni.

Il-petizzjoni ġiet iffirmata minn Caritas Malta, Fondazzjoni OASI, l-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (MEA), il-Kamra Maltija tal-Kummerċ u Industrija, l-Assoċjazzjoni Medika ta’ Malta (MAM), l-Unjin Maltija tal-Qwiebel u l-Infermiera (MUMN), il-Kamra tal-Ispiżjara, il-Gozo Business Chamber, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ħaddiema Soċjali, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Psikjatrija, is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika (SfCE), l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja, l-Għaqda tat-Turiżmu ta’ Għawdex, Żgħażagħ Azzjoni Kattolika (ŻAK), l-Azzjoni Kattolika, Malta Girl Guides, Dar ’il bogħod mid-dar, National Foster Care Association Malta, Soċjetà Nazzjonali tal-Ġenituri għal Persuni b’Diżabilità, Fondazzjoni St Jeanne Antide, Istitut Paolo Freire, Millennium Chapel, Richmond Foundation, SOS Malta, Dar Merħba Bik, Fondazzjoni Youth Alive, Segretarjat tal-Għajnuna Soċjali, Kummissjoni Djoċesana Djakonija, Dar tal-Providenza, Soċjetà San Vinċenz De Paule, Djar tal-Anzjani tal-Knisja, Uffiċċju Ħidma Pastorali mal-Persuni Separati, Kappillani taċ-Ċentru tal-Onkoloġija Mater Dei u Sir Anthony Mamo, Fondazzjoni RISE, Dar Hosea, Fondazzjoni Paċi u Tajjeb, Kummissjoni Migranti, Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, Fondazzjoni Osanna Pia, Fondazzjoni Sebħ, Life Network Foundation, Karl Vella Foundation, Malta CAN (Children’s Associations Network), National Association of Pensioners, il-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca, Prof. Andrew Azzopardi (Dekan tal-Fakultà għall-Benessri Soċjali, UoM), Dr Claire Azzopardi Lane (Deputat Dekan tal-Fakultà għall-Benessri Soċjali, UoM), Dr Colin Calleja (Dekan Fakultà tal-Edukazzjoni, UoM), Dr Michelle Attard Tonna (Deputat Dekan Fakultà tal-Edukazzjoni, UoM), Dr Sandra Scicluna (Kap tad-Dipartiment tal-Kriminoloġija fil-Fakultà għall-Benessri Soċjali, UoM), Georgina Debattista (Visiting Senior Lecturer fil-Fakultà għall-Benessri Soċjali, UoM), Max Cassar (Dipartiment tal-Psikoloġija, UoM), u Angela Caruana (attivitsta għad-drittijiet tat-tfal).

Sors: Newsbook.com.mt