L-Arċidjoċesi ta’ Malta laqqgħet l-assemblea djoċesana annwali li matulha ngħata rendikont tal-ħidma tal-Knisja f’Malta fil-kuntest tal-proċess ta’ tiġdid ekkleżjali ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed’, kif ukoll it-tħejjija għall-Ġublew tat-Tama li se jiġi ċċelebrat is-sena d-dieħla.
Fid-diskors tiegħu, l-Arċisqof Charles Scicluna tkellem fuq il-prijoritajiet tal-ħidma tal-Knisja f’Malta u fuq kif qed twieġeb għall-ħtiġijiet tas-soċjetà, fosthom permezz tad-djar tat-tfal u l-anzjani, il-ftuħ ta’ ċentri tal-komunità, is-sapport fil-kura paljattiva, l-għajnuna lil min hu bil-ġuħ, u l-promozzjoni ta’ żvilupp u empowerment għat-tfal u żgħażagħ b’diżabbiltà. Saħaq ukoll li l-Knisja f’Malta hi impenjata tkun ta’ eżempju fl-amministrazzjoni finanzjarja, u fil-kura tal-patrimonju uman u kulturali.
Bi preparazzjoni għall-Ġublew tat-Tama, l-Arċisqof qal li dan se jdawwal il-ħidma u l-prijoritajiet tal-Knisja f’Malta. “Is‑Sena Mqaddsa hija żmien biex nieqfu u ngħidu grazzi għall‑ħafna barkiet li għandna. Matul is‑sekli, il‑Knisja f’Malta kienet qrib il‑poplu. L‑ethos tagħha ta’ kura u tmexxija hu għajn ta’ tama u direzzjoni għall‑poplu tagħna. Id‑dmir tagħna huwa li niżguraw li dan tassew jibqa’ jsir.”
Mons. Arċisqof tkellem ukoll dwar iż-żewġ esperjenzi importanti fil-Vatikan: iż-żjara Ad limina li l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex kellhom f’Mejju li għadda li ntemmet b’laqgħa mal-Papa Franġisku, u s-Sinodu tal-Isqfijiet li sar f’Ottubru li għadda.
Fl-Assemblea, l-Isqof Joseph Galea-Curmi qal li matul is-sena li ġejja, il-Knisja trid taħdem sabiex “l-istrutturi ta’ konsultazzjoni u parteċipazzjoni fil-Knisja f’Malta, li huma ħafna, jissaħħu biex jistgħu jilħqu aktar l-għanijiet tagħhom. Tibqa’ dejjem ta’ sfida kbira għall-Knisja li ngħaqqdu flimkien il-parteċipazzjoni u l-kreattività mal-unità, mal-armonija, fid-direzzjoni u fil-ħidma.”
Dwar ir-raba’ atteġġjament tal-proċess ekkleżjali ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed: Knisja li Toħroġ’, Prof. Nadia Delicata, id-Delegat għall‑Evanġelizzazzjoni, tat rendikont ta’ dak li sar mill-Knisja fl-aħħar sena. Semmiet uħud mill-esperjenzi u r-riflessjonijiet tan-nies li pparteċipaw fis-16-il konverżazzjoni spiritwali li saru matul is-sajf. Kulħadd kien mistieden għal dawn il-laqgħat sabiex il-Knisja tifhem aħjar x’inhuma r-realtajiet, il-ħsibijiet, il-weġgħat u x-xewqat għall-Knisja biex verament tkun Knisja li tisma’, li tilqa’, li takkumpanja, u li toħroġ.
Matul l-Assemblea, DISCERN ippreżenta studju li sar fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta dwar ix-xogħol li sar mill-Knisja Maltija man-nies li sabu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà fl-2023.
Waqt l-Assemblea tnediet il-website gublew.mt bid-dettalji ewlenin tal-Ġublew tat-Tama f’Malta. Liam Farrugia, id-Direttur tal-Uffiċċju tal-Preżenza Diġitali tal-Arċidjoċesi, semma wħud miċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, l-attivitajiet djoċesani u pelligrinaġġi li se jiġu organizzati f’Malta matul is-sena tal-Ġublew.
Madwar 280 parteċipant attendew fiżikament jew virtwalment għall‑Assemblea Djoċesana li saret fuq jumejn fis‑sala taċ‑Ċentru Animazzjoni u Komunikazzjoni (ĊAK) f’Birkirkara.