L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

F’din ix-xena mill-Evanġelju ta’ San Mark tolqotni ħafna kif għandna ħin minnhom lil Ġesù jitlob fuq l-għolja, u fl-istess waqt id-dixxipli ġo dgħajsa jitħabtu mar-riħ. Dan qisu rifless tal-esperjenza tal-ewwel komunità Nisranija meta Ġesù tela’ s-sema u d-dixxipli mbagħad kellhom jitħabtu maċ-ċirkostanzi diffiċli tal-ħajja tal-komunità.                                                                                                             

U f’dan kollu hemm dik il-kelma importanti ta’ Ġesu meta ġie u ltaqa’ magħhom: “Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn” (Mk 6:50). Din tfakkarna li kull meta Alla hu preżenti fost dawk li lilhom jagħtihom missjoni, dejjem l-ewwel kelma li jgħid hi: “tibżax, tibżgħu xejn”. Għandna tant eżempji ta’ profeti fit-Testment il-Qadim; għandna lil Marija li l-anġlu jgħidilha: la tibżax. L-ewwel kelma hija “la tibżax”. U r-raġuni hi għaliex aħna dejjem ikollna f’ħajjitna biżgħat, daqqa iktar daqqa inqas, u dawn jistgħu b’xi mod jikkondizzjonawna fil-ħajja tagħna, u ma jkollniex tassew il-paċi f’qalbna biex nistgħu naqdu l-missjoni li Alla fdalna f’idejna.

Nagħrfu l-biżgħat tagħna

U meta, f’dan il-live-in, qed ngħidu li rridu nkunu ‘Knisja li tisma’, u li aħna għandna nagħrfu kif  nisimgħu, irridu, fost l-oħrajn, nisimgħu lilna nfusna. Jiena naħseb li tajjeb li aħna nieqfu naħsbu ftit fil-biżgħat li jista’ jkollna kultant fil-ħajja tagħna u li b’xi mod jistgħu jtellfuna.

Jistgħu jkunu biżgħat minħabba l-inċertezza tal-ħajja, jew it-tibdil mgħaġġel tal-ħajja. Jistgħu jkunu biżgħat minħabba ċerti nies; kif taħseb pereżempju f’xi persuna partikulari, mill-ewwel f’qalbek ikollok qisu naqra biża’ għax ma tafx biex ġej. Jistgħu jkunu biżgħat minn oħrajn fil-parroċċa – fil-ħidma pastorali niltaqgħu ma’ nies li l-ewwel sensazzjoni li jnisslu fik tkun dik ta’ biża’. Jistgħu jkunu wkoll biżgħat minna nfusna minħabba l-limitazzjonijiet tagħna, minħabba d-dgħufijiet, id-difetti tagħna, l-iżbalji tagħna. Jiena u sejjer Ħal Balzan bil-mixi, kultant niltaqa’ ma’ wieħed li nieqaf nitkellem miegħu. Ġieli jgħidli: “itlob għalija ma mmurx nagħmel xi waħda;  u nfajjar xi daqqa ta’ ponn lil xi ħadd”. Jaf il-limitazzjonijiet tiegħu. Kultant ikollna l-limitazzjonijiet tagħna li jistgħu jbeżżgħuna.

Ma nħallux il-biżgħat tagħna jikkondizzjonawna

L-importanti huwa li dawn il-biżgħat tagħna l-ewwel nett ngħarfuhom, ma naħbuhomx; imbagħad inqegħduhom quddiem il-Mulej biex hu jagħtina l-grazzja li negħlbuhom u ma nkunux kondizzjonati minnhom. Mhux għax se neħilsu mill-biżgħat kollha tal-ħajja, imma Alla jgħinna biex ma nkunux kundizzjonati minnhom.

Fl-Ewwel Qari, mill-Ittra ta’ San Ġwann, qrajna li: “L-imħabba tkeċċi l-biża’” (1Ġw 4:18). Alla jagħtina dik il-grazzja tal-imħabba f’qalbna li tegħleb il-biża’. Allura fil-ħajja tagħna ma nkunux immexxijin kontinwament minn dawn il-biżgħat tagħna imma bil-grazzja t’Alla, bil-preżenza tiegħu, bl-imħabba li ġġib fina, aħna negħlbu l-biżgħat tagħna.

Inkunu nies li nnisslu fl-oħrajn il-paċi mhux il-biża’

U nixtieq nitlob lil Alla wkoll grazzja oħra: li aħna mbagħad, fil-ħidma pastorali tagħna, inkunu nies mhux biss li nirbħu l-biżgħat tagħna, imma wkoll li nnisslu l-imħabba u l-paċi fl-oħrajn, mhux il-biża’. Ilbieraħ kien hemm sentenza li laqtitni partikolarment, għax tant hi vera. Intqal li diversi nies li jibqa’ fihom mhux l-aktar il-kontenut ta’ li tgħid, imma dak li ġġegħelhom iħossu – “What you make them feel, more than what you say. U din hija vera.

Kultant ikun hemm min qisu waħdu jibża’ mix-xejn, imma ġieli tkun ġejja minna. Kemm hu importanti li aħna fil-kuntatt tagħna man-nies, fil-ħidma tagħna mal-oħrajn, nagħmlu ħilitna biex innisslu fihom l-imħabba, il-paċi, is-serenità – mhux il-biża’!

Għal dan nixtieq nitlob illum, għalina lkoll hawnhekk. L-ewwel nett biex Alla jagħtina l-grazzja li nagħrfu l-biżgħat tagħna u bil-preżenza tiegħu u bl-għajnuna tiegħu, ma nkunux kundizzjonati minnhom fil-ħajja; u t-tieni biex il-preżenza tagħna tkun preżenza li tnissel ħafna mħabba u paċi u mhux biża’ fil-qalb tal-oħrajn.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju