• 

  • L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna


  • Il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

    27 ta’ April 2019
  •  
    “Dan huwa l‑jum li għamel il‑Mulej, ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah” (S 118:24).

    Għal dawn l‑aħħar ġranet, li fil‑liturġija tal‑Knisja huma bħal jum wieħed, irrepetejna l‑kliem tas‑Salm 118 vers 24. Ir‑riferiment għal dak kollu li l‑Mulej għamel fil‑qawmien ta’ Ġesù mill‑mewt huwa ovvju, attwali u xieraq. Illum, aħna u nħejju ruħna għall‑Ordinazzjoni Presbiterali ta’ dawn ħutna Peter, Jean, Aayrton u Matthew, nirrepetu l‑kliem tas‑Salm bi gratitudni u b’tama.

    Dan il‑jum tal‑ordinazzjoni tagħkom huwa għemil il‑Mulej, opra tal‑ħniena tiegħu.

    Dan il‑jum tal‑ordinazzjoni tagħkom huwa għemil il‑Mulej, opra tal‑ħniena tiegħu. Tassew “il‑leminija tal‑Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila”. Inti li taf id‑dnubiet tiegħek u d‑dgħufija tiegħek, illum għid mal‑istess Salm 118: “Ma mmutx, imma nibqa’ ngħix u nħabbar l‑għemejjel tal‑Mulej” (v. 17). Inti li għaddej mill‑prova tal‑umiljazzjoni, tat‑tbatija u tal‑qtigħ il‑qalb, illum għid mal‑istess Salm: “Ħaqarni tassew il‑Mulej, iżda ma telaqnix għall‑mewt” (v. 18). Il‑Mulej ikun għalikom qawwa, għana u salvazzjoni. Kull jum ta’ ħajjitkom bħala saċerdoti duru b’umiltà ta’ wlied lejn il‑Missier u għidulu: “Niżżik ħajr talli weġibtni u kont għalija s‑salvazzjoni tiegħi” (v. 21). 

    Dan huwa l‑istess kliem li l‑Knisja bikrija fehmet li jesprimi l‑gratitudni ta’ Ġesù lill‑Missier fl‑esperjenza tal‑qawmien mill‑imwiet. Iben, l‑għaxqa tal‑Missier, li minn fuq is‑salib jgħajjat il‑karba tal‑abbandun: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” (Mt 27:46b), issa jinfexx fl‑għaxqa tar‑rebħa mimlija gratitudni: “Ma mmutx, imma nibqa’ ngħix, u nħabbar l‑għemejjel tal‑Mulej” (S 118:17).

    Qiegħed jimliena bil‑“kuraġġ” biex nitkellmu f’ismu u mhux f’isimna.

    Illum Ġesù Rxoxt qiegħed iseħħibkom mill‑qrib mal‑missjoni tiegħu. Qiegħed jibgħatkom fid‑dinja: “Morru fid‑dinja kollha, xandru l‑Evanġelju lill‑ħolqien kollu” (Mk 16:15). Qiegħed jafdakom, bħalma jafda lilna, minkejja li jaf tajjeb li aħna, bħall‑appostli, nies vulnerabbli; kultant mitluqa għal għonq it‑triq tal‑biki, vittmi ta’ ħafna dubji u b’qalb sewda. Jaf dan kollu u madanakollu jafdana bl‑Aħbar it‑Tajba. Jaf li kultant nonqsu mill‑fidi u li rasna iebsa, u xorta waħda jibgħatna fid‑dinja bħala xhieda. Qiegħed jagħtina qawwa ta’ servizz u mhux ta’ predominju biex min jiltaqa’ magħna jinduna u jifhem sewwa li aħna, bħal Pietru u Ġwanni, “nies ta’ madwar Ġesù”. Qiegħed jafdana bil‑qawwa li nfejqu f’ismu, b’mod speċjali fis‑sagramenti. Qiegħed jimliena bil‑“kuraġġ” biex nitkellmu f’ismu u mhux f’isimna.

    “Aħna ma nistgħux ma nitkellmux fuq dak li rajna u smajna” (Atti 4:20). Din il‑persważjoni tal‑ewwel appostli għaddiet fir‑ragħajja tal‑ġenerazzjonijiet ta’ wara, fina. Il‑kliem tal‑Appostlu Missierna San Pawl jgħoddu għal kull wieħed minna: “Tinsiex il‑grazzja li għandek fik, li kienet mogħtija lilek bis‑saħħa tal‑kliem tal‑profezija u bit‑tqegħid tal‑idejn tal‑presbiteri fuqek” (1 Tim 4:14). “Tinsiex il‑grazzja”: “ftakar fiha dejjem”. Fuq kollox, “kun ta’ eżempju għal dawk li jemmnu, fi kliemek u fl‑imġiba tiegħek, fl‑imħabba, fil‑fidi u fis‑safa” (1 Tim 4:12). San Pawl jinsisti ma’ Timotju li għandu jkun fidil lejn il‑tagħlim veru. “Ħu ħsieb il‑qari tal‑Kotba Mqaddsa, it‑twissijiet u t‑tagħlim” (1 Tim 4:13). Din il‑fedeltà tissieħeb mal‑eżami li d‑dixxiplu jagħmel sikwit tiegħu nnifsu: “Għasses fuqek innifsek u fuq it‑tagħlim tiegħek” (1 Tim 4:16a). It‑talba tas‑saċerdot trid tkun dik li jasal fil‑glorja mal‑merħla tiegħu. “Żomm sħiħ f’dawn il‑ħwejjeġ, għax, jekk tagħmel hekk, issalva lilek nnifsek u lil dawk li jisimgħuk” (1 Tim 4:16b).

    Kunu saċerdoti ħerqana, qaddisa, irżina, leali u ferħana. Itolbu biex permezz tagħkom il‑Mulej iqanqal vokazzjonijiet ġodda għas‑saċerdozju. Agħtu ħajjitkom biex il‑ferħ tagħkom fil‑Mulej ma jonqosx. Tibżgħux mit‑taħbit u t‑tgħajjir. Il‑ħarsa tagħkom tkun dejjem fuq il‑Mulej Imsallab u Rebbieħ li l‑pjagi tiegħu huma bibien u twieqi fuq il‑qalb ta’ Alla: qalb mimlija ħniena u mogħdrija, qalb li taf tħobb u li għandha għatx safi għall‑imħabba tal‑bnedmin. Taqtgħu qatt mit‑talb umli tagħkom. Fittxu l‑fraternità saċerdotali u kunu missirijiet spiritwali għall‑Poplu ta’ Alla li llum jifraħ bis‑saċerdoti ġodda tal‑Mulej. Qisu li l‑ubbidjenza tagħkom tkun sinċiera, li s‑safa tagħkom tkun umli, u li l‑għana tagħkom ikun biss il‑Mulej. Fittxu l‑Mulej fil‑fqir u l‑batut; ħobbuh fil‑proxxmu; aqduh fl‑aħwa; faħħru fil‑ħolqien; agħtuh il‑glorja b’ħajjitkom u bil‑fedeltà tagħkom.

    “Alla li beda din l‑opra tajba fikom iwassalha għat‑tmiem” (Fil 1:6).

    Ammen.

    Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

     

  • Ritratti: knisja.mt/ritratti