• F’dawn il-jiem, 17,182 student qed jibdew sena skolastika ġdida fl-Iskejjel tal-Knisja, f’Malta u Għawdex. Dawn jinkludu 2,153 tifel u tifla li ser jibdew jattendu skola tal-Knisja għall-ewwel darba jew li biddlu l-iskola. L-istudenti fl-iskejjel tal-Knisja huma maqsumin kif ġej:

    • 1,023 student fil-livell ta’ kindergarten,
    • 7,840 student li jattendu l-iskejjel primarji,
    • 7,520 student li jattendu l-iskejjel sekondarji, u
    • 799 student li jattendu s-Sixth Forms.

    Kif jiġri kull sena, is-sena skolastika tibda kmieni għall-edukaturi u l-professjonisti. Fil-jiem li għaddew daħħlu lura fl-iskejjel 2,365 bejn għalliema, Learning Support Assistants (LSAs) u Kindergarten Assistants (KGAs).

    Waqt seminar għall-għalliema, LSAs u KGAs ġodda fl-Iskejjel tal-Knisja, l-Arċisqof Charles J. Scicluna fisser kif l-edukazzjoni hija missjoni għażiża ħafna għall-Knisja għaliex l-edukazzjoni tgħallem lill-bniedem jikber fid-dinjità. 

    L-Arċisqof ikkwota diskors li għamel riċentement il-Papa Franġisku li qal li l-għalliema huma benefatturi tal-umanità għaliex iridu jkunu dawk li jagħtu lit-tfal l-ideal tal-ħajja. Mons. Scicluna qal li l-għalliema u l-professjonisti għandhom rwol importanti fis-soċjetà, u appella biex bl-imġiba tagħhom, bl-entużjazmu u bid-dedikazzjoni tagħhom, ikunu ta’ eżempju għall-istudenti.