• ***

    Direttur: Reg Traviss

    Atturi: Gregg Sulkin, Meghan Markle, Josh Myers, Christian Berkel, Richie Cambell, James Devlin, Andrew Shim, Sophie Colquhoun u Caroline Ford

    Ħin tal-film: 116 min

    Klassifika taċ-Ċensura: 15

    Klassifika tal-Knisja: 15

    Dee, żagħżugħ li għandu passjoni u talent għat-tpinġija tal-graffiti fuq il-ħitan, kien jagħmlu bħala protesta kontra l-Istat. Ħuh il-kbir, Marcus, hu l-mexxej ta’ gang ta’ ħallellin li kienu jduru madwar Londra jattakkaw u jisirqu ħwienet  tal-gojjelli  u  arloġġi ta’ valur kbir. Dan kienu jagħmluh rekbin fuq muturi veloċi u li ftit kien hemm ċans li xi darba kienu sejrin  jinqabdu. Iż-żewġ aħwa kienu kuntenti bil-ħajja anti-soċjali li kienu qegħdin igħixu. Dee iżda bil-mod il-mod, bis-saħħa ta’ tfajla mudella li  kien beda jkellem  beda jintebaħ li l-ħajja anti-soċjali ma kienitx sejra twasslu mkien ħlief inkwiet mall-pulizija. Minnaħa l-oħra,  Marcus kien qiegħed jagħmel fortuna  flimkien ma’ sħabu bin-numru ta’ ħwienet Ii rrnexxielhom jisirqu. Dan  is-suċċess ġabu jagħmel patt ma’  sindikat ta’ kriminali  li permezz ta’ dan il-fteħim kellu ċ-ċans li jkabbar it-territorju fejn seta’ jisraq. Iżda dan il-fatt ġabu wiċċ imbwiċċ ma’ gang ieħor li ma setgħux jaċċettaw li oħrajn jidħlu fl-għalqa tagħhom. Riżultat ta’ dan kien li bejn iż-żewġ gangs faqqat ġlieda bejniethom f’nofs Londra b’riżultat li ħalliet numru ta’ gangsters mejta. Sadanittant Marcus flimkien ma’ sħabu kellhom kollox ippjanat biex jagħmlu s-serqa tas-seklu billi jidħlu fil-Bond Street Diamond Vault. Marcus kien wieħed li spiċċa l-isptar nofsu  mejjet. Il-pulizija wkoll bdiet tissuspetta fil-gang imexxxi minn Marcus. X’sejjer jagħmel il-gang mingħajr Marcus? Għalhekk idduru għal Dee biex igħinhom. X’sejjer jagħmel Dee? Tgħid jidħol magħhom fis-serqa biex b’hekk ikun qiegħed igħin lil-ħuh Marcus li kien jinsab imdaħħal f’basla meta d-droga li kien xtara bi flusu kollha ġiet misruqa mill-gang l-ieħor? Dee minnaħa tiegħu kien sab xortih meta wieħed Ġermaniż  tefa’ għajnejh  fuqu w offrilu li jieħdu l-Ġermanja biex ikompli jipperfezzjona l-arti tal-graffiti li kellu. X’jiġri minn hawn?

    Film Ingliż taħt id-direzzjoni ta’ Reg Traviss ta’ dixxendenza Maltija,  ddaħħalna fil-ħajja ta’ żewġ aħwa li kienu jgħixu ħajja anti-soċjali:  Dee jagħmel użu mit-talent li kellu li jpinġi graffiti fuq il-ħitan u ħuh, Marcus,  mexxej ta’ gang ta’ ħallelin li kienu jisirqu b’mod vjolenti ħwienet li jbiegħu ġojjelli u arloġġi ta’ valur kbir.  Minħabba vjolenza, ġlied u kliem goff,  ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax -il sena.