L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Kienu jieklu, jixorbu, jiżżewġu, iżewġu” (Lq 17:27). Dan hu l-kliem li bih Ġesù jiddeskrivi l-ħajja tan-nies fi żmien Noè meta Noe daħal fl-arka biex jeħles mid-dilluvju li ġab qerda sħiħa. U bi kliem jixbhu, Ġesù jfisser ukoll dak li ġara fi żmien Lot, meta Lot ħareġ minn Sodoma. Jgħid Ġesù: “kien jieklu, jixorbu, jixtru, ibigħu iħawlu, jibnu” (Lq 17:28).

Hawn Ġesù qed isemmi affarijiet tal-ħajja ordinarja. Li jolqotna hu li mhux qed isemmi affarijiet ħżiena. Ġesù mhux qed jgħid: kienu jieklu, jiffangaw, u ma jagħtu każ min hu fil-bżonn, min ma għandux ikel; jew inkella: kienu jixorbu u jkunu dejjem fis-sakra; jew: kienu jbigħu u jqarrqu fil-bejgħ; jew: kienu jibnu u jeqirdu l-ambjent. Mhux fuq hekk qed jitkellem Ġesù. Lanqas qed jitkellem fuq affarijiet ħżiena minnhom infushom. Ma jgħidx Ġesù li dawn in-nies kienu jisirqu, joqtlu, jivvendikaw ruħhom, jagħmlu ħsara lil ħaddieħor, jitkellmu ħażin. Ma jsemmix hekk Ġesù. Isemmi l-ħajja ordinarja ta’ dawn in-nies.

Għalhekk x’inhu l-messaġġ importanti li qed jagħtina fl-Evanġelju llum? Ġesù qed jgħid li aħna rridu noqogħdu attenti, u attenti li ma nitteħdux tant mill-ħajja ta’ kuljum, mill-ħajja mgħaġġla tagħna, minn ħaġa għal oħra, li jiġrilna li ma nagħtux każ ta’ dak li hu l-iktar importanti – ma nagħtux każ ta’ Alla, u ma nagħtux każ tal-valuri l-iktar importanti fil-ħajja li hu għallimna. Jista’ jiġrilna dan, u fuq hekk qed jgħid Ġesù li rridu noqogħdu attenti. Irridu noqogħdu attenti li aħna ma nitteħdux minn dak li hu ta’ siwi, li hu tajjeb, imma li jista’ jeħdilna tant moħħna u qalbna li nitilfu dak li hu l-iktar importanti. San Ġwann, fl-Ewwel Qari, isemmi x’inhu l-iktar importanti: isemmi l-imħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn, li tkun l-imħabba li tmexxina f’dak li nagħmlu. Meta ngħixu hekk, nistgħu nagħmlu dawk l-affarijiet li qed isemmi Ġesù imma nkunu qegħdin nagħtu importanza lil dak li hu l-iktar importanti. San Pawl, fl-Ewwel Ittra tiegħu lill-Korintin, isemmi xi ħaġa minn dak li jgħid Ġesù. Jgħid: “sew jekk tieklu, sew jew tixorbu, tagħmlu x’tagħmlu, agħmlu kollox għall-glorja ta’ Alla” (1 Kor 10:31). Mela dak li jrid jgħid Ġesù lilna: tinsewx dak li hu l-iktar importanti fil-ħajja, għixu l-valuri li huma l-iktar importanti fil-ħajja.

Għalhekk, ma għandniex naħsbu li dan il-kliem ta’ Ġesù hu kliem biex ibeżża’. Fil-fatt, karatteristika sabiħa fil-Kelma ta’ Alla hi dejjem li meta Alla jagħti messaġġ lil xi ħadd, anke fit-Testment il-Qadim, l-ewwel kelma li jgħid hi “tibżax”. Alla jgħinna negħlbu l-biża’. Anke Ġesù lid-dixxipli tiegħu jgħidilhom “tibżgħu xejn”. Li jrid mhux li jbeżżagħna imma li jrid hu li noqogħdu attenti u li nagħmlu deċiżjoni li ngħixu tassew fl-imħabba ta’ Alla. Il-kelma ta’ Alla dejjem tmexxina lejn din id-deċiżjoni biex ngħixu fl-imħabba ta’ Alla, mhux lejn id-disperazzjoni li taqtagħna mill-imħabba ta’ Alla. Hija deċiżjoni, mhux disperazzjoni.

Irridu noqogħdu attenti wkoll mill-qerq, bħalma jsemmi San Ġwann fl-Ewwel Qari. San Ġwann jgħid: “Ħarġu fid-dinja ħafna qarrieqa…ħarsu rwiekom li ma tmorrux titilfu dak li għalih ħdimtu…” (2 Ġw: 7-8). Minn dan għandna nibżgħu u noqogħdu attenti, jiġifieri li ma nħallux min iqarraq bina, ħalli nistgħu tassew ngħixu dak li Ġesù jitlob minna u ngħixuh bl-ikbar imħabba u bl-ikbar ferħ.

Nitolbu lill-Mulej illum li aħna ma ngħixux aljenati fil-ħajja tagħna, imma nagħtu importanza lil dak li jiġi l-ewwel, jiġifieri l-imħabba lejh u lejn l-oħrajn biex nagħmlu l-ġid lill-oħrajn; u nitolbuh ukoll li noqogħdu attenti mill-qerq, minn dak kollu li b’xi mod jew ieħor iqarraqna u ma jħalliniex ngħixu fl-imħabba tiegħu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju