Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tagħraf li l-Baġit 2023 ġie kkundizzjonat minn bosta kriżijiet.

Filwaqt li tilqa’ l-bosta miżuri soċjali mħabbra, il-Kummissjoni tixtieq tmur lil hinn minn kummentarju simplistiku dwar miżuri individwali, billi tistieden lill-Gvern jikkonsidra erba’ prinċipji gwida li l-Kummissjoni temmen li għandhom jiggwidaw l-għażla tagħna għall-mudell soċjo-ekonomiku li jwassal għal soċjetà aktar ġusta, sostenibbli u li tipprovdi lok għal rikonċiljazzjoni fejn saret ħsara.

Għażla preferenzjali għall-foqra

F’sitwazzjoni fejn il-pajjiż qed jaffaċċja pressjoni minn inflazzjoni eċċezzjonali, il-Kummissjoni tfaħħar lill-Gvern talli ffoka r-riżorsi limitati tiegħu fuq dawk li ntlaqtu l-agħar mill-kriżijiet tal-għoli tal-ħajja. Il-Baġit jipprovdi għajnuna immedjata lill-familji u lin-negozji li kieku se jiffaċċjaw tbatija finanzjarja li diffiċli tiddeskriviha.

Madankollu, il-Kummissjoni b’dispjaċir tinnota, li persuni li jfittxu ażil lanqas biss kien ħaqqhom jissemmew fid-diskors tal-Baġit minkejja li studji riċenti juru li dawn jiffaċċjaw il-faqar hekk kif jibdew jgħixu ħajjithom f’Malta.

Kura għall-ambjent

Il-Baġit 2023 jonqos milli jindirizza b’mod effettiv diversi sfidi ambjentali kroniċi li qed ikollhom impatt kbir fuq il-kwalità tal-ħajja tagħna. Mingħajr aktar dewmien, għandha tingħata prijorità biex jinstabu modi alternattivi ta’ trasport kif ukoll titrażżan il-ħela tal-ilma u l-enerġija. Il-Kummissjoni lanqas mhi konvinta mill-ħtieġa għal aġenzija oħra biex tamministra l-investiment maħsub għal spazji miftuħa, minħabba l-ispejjeż ġenerali li dawn l-aġenziji jinvolvu biex jitmexxew u jħallsu lill-impjegati tagħhom.

Approċċ parteċipattiv

Minkejja l-ħtieġa li tinbeda t-tranżizzjoni minn mudell ekonomiku bbażat fuq il-kostruzzjoni, il-Baġit 2023 ma fih l-ebda ħjiel ta’ kif se jkun dan il-mudell alternattiv.

Minħabba l-impatt mifrux li strateġija bħal din se jkollha fuq il-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri, il-Kummissjoni temmen bis-sħiħ li għandu jiġi applikat approċċ parteċipattiv f’dan il-proċess li jwassal għal viżjoni ekonomika fit-tul li tagħti prijorità lill-kwalità tal-ħajja tagħna, ma tittrattax lill-ħaddiema barranin bħala assi li teħles minnhom wara li tinqeda bihom (disposable assets) u tirrispetta l-limiti ambjentali tagħna.

Governanza tajba

F’kuntest ta’ restrizzjonijiet finanzjarji akbar, il-Kummissjoni tilqa’ l-enfasi tal-Ministru tal-Finanzi fuq il-ħtieġa li tiġi applikata dixxiplina fiskali. Għal dan il-għan, il-Gvern għandu jmexxi bl-eżempju billi jnaqqas serjament in-numru eżorbitanti ta’ direct orders u persuni ta’ fiduċja.

Prattiċi bħal dawn mhux biss imorru kontra l-valuri ta’ governanza tajba, iżda jgħinu biex ikomplu jikkonfermaw il-perċezzjoni ta’ sistema li mhix “ġusta”. Perċezzjoni bħal din, li ħafna drabi tirrifletti r-realtà, hija ta’ ħsara kbira għas-soċjetà tagħna għax b’hekk tintilef il-fiduċja, il-parteċipazzjoni kollettiva tieħu daqqa ta’ ħarta u jidħol ċ-ċiniżmu.

Agħfas hawn għar-reazzjoni sħiħa tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi.