• ***

    Direttur:          Seth Gordon

    Atturi:              Dwayne Johnson, Zac Efron, Alexandra Daddario, David Hasselhoff,  PrIyanka Chopra, Kelly Rohrbach u John Bass

    Ħin tal-Film:    116 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      18

     

    Fil-Bajja Emerald, ġewwa Florida, Lt. Mitch Buchannon u t-tim tiegħu ta’ lifeguards, li fosthom kien hemm Stephanie Holden u l-veteran C.J. Parker, kienu jħarsu l-bajjiet ta’ madwar bħala taqsima elitista magħrufa bħala Baywatch. Mitch kien ġa rrnexxielu jsalva ‘l fuq minn 500 persuna mill-għarqa u ta’ dan, il-komunità kienet tassew tħobbu u tirrispettah. Mhux hekk iżda Garner Ellerbee, il-pulizija tal-lokal u wisq inqas is-superjur tiegħu, il-Kaptan Thorpe. Matul waħda mir-ronda li kien jagħmel filgħodu kmieni, jum wieħed sab borża żgħira bid-droga fil-bajja qrib ħafna l-Huntley Club, proprjetà tan-negozjanta fil-bini:  Victoria Leeds.

    Hekk kif beda dieħel is-sajf, ikun hemm il-ħtieġa li jiddaħħlu lifeguards ġodda biex jibdew jitħarrġu fix-xogħol ta’ salvataġġ li kien mistenni minnhom. Fost dawk li applikaw kien hemm tlieta li spikkaw: Summer Quin, serfer, Ronnie, ħabib antik ta’ Holden u li kien jiffansja lil C.J, u Matt Brody, għawwiem, li fit snin qabel kien rebaħ żewġ midalji tad-deheb fl-Olimpjadi iżda llum diżunurat. Kemm Quinn u Ronnie jgħaddu mill-prova. Brody iżda ma riedx jaċċetta li jagħmel dawn il-provi għax kien jemmen li hu kien kapaċi minħabba s-suċċess li kien kiseb fil-passat u għalhekk stenna li jidħol fit-tim awtomatikament.  It-tim, issa ffurmat,  jidħol f’azzjoni meta  jott jieħu n-nar. Brody, li ma jobdiex l-istruzzjonjiet, kien ixxurtjat li ma ħalliex ħajtu. Kellhom ikunu Holden u C.J. li jsalvawh. Min kien fuq il-jott, kollha jsalvaw ħlief għal persuna waħda li kien uffiċjal tal-belt.

    Mitch jinvestiga l-mewt ta’ din il-persuna iżda Ellerbee jwiddbu li dak ma kienx xogħlu. Broody jaqbel ma’ Ellerbee u dan jikkawża qasma fit-tim. Mitch jiddeċiedi li jkompli fl-investigazzjoni tiegħu flimkien mat-tim. X’isibu meta jidħlu fil-kamra mortwarja? X’kien qiegħed jiġri? Mitch hu konvint li Leeds qegħda tmexxi d-droga mill-Huntley Club barra wkoll li qiegħda taħtaf taħt idejha, l-proprjetà kollha tal-bajja. Kif jista’ jipprova dan? X’jiġri minn hawn?

    Film Amerikan, kummiedja u mimli azzjoni, hu taħt id-direzzjoni ta’ Seth Gordon, kitba ta’ Mark Swift u Damian Shannon. Minħabba kliem goff u profan, vjolenza, kontenut sesswali kif ukoll xeni mdemmija, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.