Photo by Emma Bauso

L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Fl-Eżortazzjoni Appostolika tiegħu Patris corde (B’qalb ta’ Missier), fuq San Ġużepp, il-
Papa Franġisku fl-aħħar paragrafu (n. 30) jikkwota dak li jgħid Ġesù: “Tgħallmu minni għax jiena ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29), u dak li jgħid San Pawl: “Ixbhu lili” (1 Kor 4:16). Jgħid li Ġużeppi seta jgħid l-istess kliem “bis-skiet elokwenti tiegħu”.

Ħa nħarsu ftit, qabel xejn, lejn l-għażla li għamel Alla f’Ġużeppi. Meta għażel lilu biex ikun il-missier putattiv ta’ Ibnu u biex jieħu lil Marija bħala martu, m’għażilx lil xi ħadd magħruf, m’għażilx lil xi ħadd li kellu ħafna poter jew flus, m’għażilx lil xi ħadd li kien imdaħħal fit-
tempu ta’ dak iż-żmien, imma għażel bniedem ta’ ħajja ordinarja. Għażel mastrudaxxa. U din turina l-għażla li jagħmel Alla dejjem fl-Istorja, l-istil ta’ kif jaħdem Alla. L-aktar li jaħdem hu fil-kwiet u fis-skiet, fil-ħajja ordinarja.

Għażel lil Ġużeppi, bniedem li kieku kellek tiġbor fi ftit kliem il-ħajja tiegħu, tgħid “familja u xogħol”, bħalma hi l-ħajja tagħna. Imma hu hemmhekk li Ġużeppi wera l-qdusija tiegħu, hemmhekk wera tassew kemm kien iħobb lil Alla u lill-oħrajn. Kien hemmhekk li fil-familja u fix-xogħol Ġużeppi wera dak li smajna fl-Ittra ta’ San Pawl lill-Kolossin: “Fuq kollox ilbsu l-imħabba…” (Kol 3:14).

Nixtieq li nħarsu lejn Ġużeppi u naraw x’jgħallimna għall-ħajja tagħna llum.

Fiduċja

Ġużeppi jurina b’liema spirtu għandna naħdmu u b’liema spirtu għandna ngħixu fil-ħajja tal- familja. L-ewwel ħaġa li jurina hu kemm hu sabiħ meta nqiegħdu l-fiduċja tagħna sħiħa f’Alla, u kemm din il-fiduċja mbagħad tista’ tmexxina fil-ħajja tagħna. Hu interessanti li l-mumenti meta niltaqgħu ma’ Ġużeppi fl-Evanġelju, tista’ tgħid li dejjem huma waqtiet ta’ kriżi, jew ta’ problemi u diffikultajiet. L-ewwel waħda, meta ma setax jifhem x’qed jiġri f’Marija, kif se jkollha tarbija, u hu kif kien jidħol fl-istorja. Imma hu qiegħed il-fiduċja f’Alla.

Kien Alla li mexxieh u illuminah, u mexa kif urieh Alla. Sab, fil-ħajja tiegħu, kemm tiswa ta’ ġid li tqiegħed il-fiduċja f’Alla. Ukoll meta ħaseb li sab l-aħjar soluzzjoni – li jibgħat lil Marija bil-moħbi – u din kienet deċiżjoni mqanqla mill-imħabba u li tirrispetta l-ħajja u d-dinjità tagħha u l-ħajja tat-tarbija li kienet fil-ġuf ta’ Marija – baqa’ miftuħ għall-messaġġ li bgħatlu Alla li wessagħlu l-viżjoni tiegħu u wrieh li hemm parti oħra tal-istorja li hu ma kienx konxju tagħha. U hu mexa kif qallu Alla.

Hu dak li jagħmel Alla f’ħajjitna meta aħna nafdaw fih fil-ħajja tal-familja u tax-xogħol. Jekk aħna jkollna qalbna miftuħa għalih, jurina xi ħaġa oħra fil-ħajja u t-triq tiegħu hija l-aħjar triq. Kultant aħna mmorru għandu fit-talb tagħna, u ngħidulu: “Mulej, aħna hekk qed naraw
fil-ħajja tal-familja tagħna, fix-xogħol tagħna. Illuminana int.” U l-Mulej jurina l-aħjar triq, jekk aħna jkollna fiduċja fih.

Smigħ

Tolqtok f’Ġużepi kemm kien bniedem li jisma’. Aħna ngħidu, u hekk hu, li ma hemmx kelma milli qal hu li ġiet irrappurtata fl-Evanġelju. Dejjem qisu fis-skiet u fil-kwiet. Imma fl-istess waqt, kull darba li naraw lil Ġużeppi fl-Evanġelju hu dejjem qed jisma’: jisma’ lill-anġlu bil-
messaġġi li jagħtih Alla, jisma’ lil Marija u lil Ġesù meta jsibuh fit-tempju. Hu dejjem jisma’.

Għax kien bniedem li jisma’, seta’ jagħraf x’inhu l-aħjar. Għax kien bniedem li jisma’ bis- serjetà l-ewwel lil Alla u wkoll lill-oħrajn, seta’ jagħżel l-aħjar triq.

Azzjoni

Ma’ li jisma’, insibu wkoll lil Ġużeppi dejjem jieħu azzjoni. Ma kienx jisma’ biss u jibqa’ jħares. Imma dejjem kien jagħmel dak li għandu jagħmel. Ukoll meta kienet azzjoni diffiċli, bħal meta l-anġlu qallu biex jieħu miegħu “lit-tifel u lil ommu” u jaħrab lejn l-Eġittu. L-Evanġelju jgħid: “Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u ’l ommu bil-lejl u telaq lejn l-Eġittu” (Mt 2:13). Jisma’ u jieħu azzjoni mal-ewwel. Dejjem imqanqal mill-imħabba.

Ix-xogħol għen lil Ġużeppi biex jitqaddes, jgħaddi s-sengħa lil Ġesù, u biex fil-ħajja ordinarja jsib il-ferħ u s-sliem. Kif smajna lil San Pawl illum: “Ħalli s-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubkom…” (Kol 3:15).

Qalb ħelwa u umli

Għalhekk l-eżempju ta’ Ġużeppi jgħodd għalina lkoll, għax qed nitkellmu fuq xi ħadd li kellu ħajja ordinarja bħalna. M’aħniex qed nitkellmu fuq bniedem li għamel ħafna mirakli li jidhru u li jagħmlu ħoss, u li jiġbed ammirazzjoni, imma fuq bniedem tal-ħajja ordinarja u sempliċi ta’ kuljum. Imma fi kliem il-Papa Franġisku, qed nitkellmu fuq bniedem li kien hu l-miraklu li bih ħadem Alla biex jitwettaq il-pjan tiegħu: “Huwa l-veru ‘miraklu’ li bih Alla jsalva lit-tarbija u lil ommha (Patris corde, 18).

Għalhekk il-Knisja tqiegħed lil Ġużeppi bħala eżempju għalina lkoll. Aħna lkoll li midħla tal- ħajja tal-Knisja, nifhmu kemm hu sabiħ li jkollna dan il-mudell għall-ħajja tagħna. Nitolbuh biex il-ħidma li nagħmlu f’oqsma differenti u l-ħidma li nagħmlu fil-familji tagħna tkun tassew ispirata minn dan l-eżempju sabiħ ta’ Ġużeppi: fuq kollox nilbsu l-imħabba, u nkunu
kif għex hu: ta’ qalb ħelwa u umli.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju