L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Ix-xbieha tad-dielja u l-friegħi hi xbieha sabiħa li tfisser b’mod ċar ħafna r-rabta qawwija li hemm bejn Ġesù u d-dixxipli tiegħu. Id-dielja tagħti l-ħajja lill-friegħi, u l-friegħi ma jistgħux jgħixu mingħajr il-ħajja li tiġi mid-dielja. Għalhekk, hi xbieha li turi li hemm aktar minn sempliċiment grupp ta’ nies li jimxu wara Ġesù. Hemm rabta intima ta’ mħabba u ħajja.

Erba’ darbiet Ġesù jsemmi hawnhekk, u iktar tul dan il-kapitlu fl-Evanġelju, li l-iskop tal-bidwi hu li jara l-frott. Isemmi l-frott li għandu jkun hemm minn din id-dielja. U l-frott jiġi għaliex il-friegħi jkunu marbuta tassew mad-dielja. Hemmhekk li l-friegħi jistgħu jagħmlu l-frott.  Għalhekk Ġesù jgħid: “Ibqgħu fija u jiena nibqa’ fikom … għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn”. Aħna wkoll marbutin miegħu li nistgħu nagħmlu l-frott f’ħajjitna. Mifrudin miegħu nkunu, bħalma semma Ġesù, dawk il-friegħi li jinxfu u allura jitilfu l-ħajja.

Ninnutaw ħaġa interessanti f’din ix-xbieha: li l-frott qiegħed fuq il-friegħi. Din twieġeb mistoqsija li kultant nagħmlu aħna: Fejn hi l-ħidma ta’ Alla fid-dinja? Fejn hu Alla fid-dinja bil-preżenza u l-ħidma tiegħu? Qiegħda f’dawk li magħqudin miegħu qed jagħmlu l-ġid. Bħalma l-fergħa marbuta mad-dielja tagħmel il-frott, hekk jagħmlu dawk li huma magħqudin miegħu li f’ħajjithom jagħmlu l-frott u jagħmlu l-ġid. Meta tara dan, tista’ tagħti glorja tassew lil Alla għax tara l-frott fil-ħajja u fil-ħidma ta’ dawk li huma magħqudin miegħu.

… għax meta ngħixu l-kelma tiegħu wkoll hemm din il-preżenza tiegħu fina, u aħna nkunu fih.

Ġesù qal li kull fergħa li tagħmel il-frott il-bidwi jiżborha u jnaddafha. Kultant anke aħna bħala dixxipli ta’ Ġesù jkollna bżonn din il-purifikazzjoni, din iż-żabra, biex nistgħu nagħmlu aktar ġid.

B’liema mod nistgħu nibqgħu magħqudin tassew bħal fergħa mad-dielja, aħna ma’ Ġesù? Bit-talb, għaliex it-talb hu l-esperjenza ta’ dak li semma Ġesù: jiena fikom u intom fija. Billi ngħixu l-kelma tiegħu, għax meta ngħixu l-kelma tiegħu wkoll hemm din il-preżenza tiegħu fina, u aħna nkunu fih. Speċjalment ukoll bl-Ewkaristija, li hi r-rigal li tana Alla, fejn l-istess ħajja tiegħu tiġi fina. Fil-fatt meta Ġesù spjega l-Ewkaristija fl-Evanġelju ta’ San Ġwann iktar kmieni, uża l-istess kliem eżatt li juża hawn f’din ix-xbieha: jibqa’ fija u jiena fih – “Min jiekol ġismu u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih (Ġw 6:56). Fiċ-ċirkustanzi li qed ngħixu bħalissa, minħabba l-pandemija, ħafna min-nies għandhom din id-diffikultà li ma jistgħux jirċievu l-Ewkaristija. Għalhekk jagħmlu tqarbina tax-xewqa. Il-Mulej jaf x’qegħdin ngħixu bħalissa. Imma fl-istess waqt hi okkażjoni li tħeġġeġ fina din ix-xewqa u din it-talba li ma jdumx ma jasal il-waqt meta nkunu nistgħu nirċevuh fina ħalli nirċevu l-ħajja ta’ Alla fina bl-Ewkaristija.

Ejjew nirringrazzjaw lil Alla. Nitolbuh biex aħna nkunu bħal friegħi marbutin mad-dielja – aħna miegħu – ħalli ħajjitna tista’ tagħmel il-frott bil-qawwa tiegħu, u ħalli wkoll inkunu magħqudin flimkien bħal friegħi li huma lkoll magħqudin mal-istess dielja li hu Ġesù.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju