L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Qisna għandna llum żewġ stampi differenti f’dan l-Evanġelju: min-naħa l-waħda stampa ta’ bieb dejjaq, li diffiċli tgħaddi minnu; u min-naħa l-oħra, stampa ta’ bieb li minnu jgħaddu ħafna nies, u minn kull xorta ta’ nies.  Dan fi kliem Ġesù nnifsu, li l-ewwel jgħid: “Tħabtu biex tidħlu mill-bieb id-dejjaq għax, kif ngħidilkom jien, ħafna għad ifittxu li jidħlu u ma jirnexxilhomx” (Lq 13:24).  Mill-banda l-oħra, aktar ’il quddiem jgħid: “U jiġu nies mil-Lvant u mill-Punent, mit-Tramuntana u min-Nofsinhar u joqogħdu għall-mejda tas-saltna ta’ Alla” (Lq 13:29).

Il-biċċa hi li Ġesù qed jgħid għall-istess bieb: il-bieb, biex nistgħu nifhmu aħjar aħna, li permezz tiegħu ngħaddu għas-salvazzjoni sħiħa, għall-ħajja ta’ dejjem. Għaliex dal-bieb hu dejjaq, imma fl-istess waqt jgħaddu ħafna nies minnu?

Mhijiex kwistjoni ta’ numru

Ġesù qed jagħmel reazzjoni għal mistoqsija li wieħed jagħmillu: “Mulej, jaqaw ftit huma li jsalvaw?” (Lq 13:23) Ma jweġibx direttament, ma jgħidx jekk humiex ftit jew ħafna.  Ġesù juri fil-fatt li  mhijiex kwistjoni ta’ numru, ta’ kemm se jsalvaw.  Alla jrid li kulħadd isalva u joffri s-salvazzjoni tiegħu lil kulħadd. 

Ġesù juri li l-mistoqsija li rrid nagħmel jien personalment hi: x’għandi nagħmel, x’jistenna minni Alla? Alla jistenna li nisimgħu l-kelma tiegħu u nfittxu li nagħmluha f’ħajjitna.  U b’hekk ħajjitna dejjem nippruvaw nagħmlu dak li hu sewwa. Ġesù hu iebes fuq dan: jekk wieħed ma jagħtix każ ta’ dak li hu sewwa u jagħmel fattih, jagħmel li jidhirlu, ma jistax jippretendi li jidħol fil-milja tas-saltna ta’ Alla.  Jispjega dan bi kliem li nistgħu nifhmuh, meta jgħid li jkun hemm min jgħid: “Mulej, iftħilna…kilna u xrobna quddiemek aħna.  Int għallimt fil-pjazez tagħna” (Lq 13:25-26). U t-tweġiba tkun: “morru minn quddiemi intom ilkoll li tagħmlu dak li mhux sewwa” (Lq 13:27). Mela huma qalulu kemm kienu jafuh u kemm kienu qrib tiegħu u jisimgħuh, u hu weġibhom li avolja semgħuh fil-pjazez tagħhom, ma tawx każ il-kelma tiegħu, ma għamlux dak li qal, ma għamlux is-sewwa.

Ġesù qed jitkellem hawn fuq dawk li kienu jippretendu li huma reliġjużi ħafna, u qrib ħafna l-Mulej, imma l-għemil tagħhom kien il-kontra ta’ dak li ried il-Mulej. Qed jgħidilhom li ma jistgħux jippretendu li għandhom xi biljett għas-sema.

Nagħmlu dak li hu sewwa

Lil Ġesù nistgħu nifhmuh ħafna, għax kultant narawha ħafna din il-firda bejn dak li nemmnu, jew ngħidu li nemmnu, u dak li nagħmlu f’ħajjitna. 

Għalhekk, fi kliem li jgħodd għall-ħajja tal-lum, ma nistgħux inserrħu moħħna għax aħna qegħdin f’xi għaqda jew f’xi grupp, jew għax niġu l-knisja, jew għax għandna xi devozzjoni, jew għax dilettanti ta’ xi festa jew xi ħaġa reliġjuża, jekk dan mhux imsieħeb ma’ ħajja kif irid Alla; jekk ngħidu li mbagħad, privatament, nagħmlu li jidhrilna u ħadd ma jindaħlilna.  Din tkun nuqqas ta’ koerenza, u Ġesù hu ċar ħafna: “Morru minn quddiemi…”  Qed jgħid li bil-Mulej m’aħniex se nidħqu. Ħa nġib eżempju: jekk jiena devot tal-istatwa tal-Madonna, u nixtieq inżejjinha u nieħu pjaċir inħares lejha imma mbagħad lill-Madonna nkasbarha u nidgħi biha meta nkun ma’ sħabi fix-xogħol u dan ikun l-istil tal-ħajja tiegħi – jiġifieri mhux għax niżbalja u nitlob maħfra imma naċċettah bħala stil ta’ ħajja – it-tweġiba tal-Mulej hi ċara: itlaq minn quddiemi, ma rridx narak b’wiċċi.

Għalhekk il-bieb dejjaq u għalhekk minna Ġesù jitlob li nitħabtu.  Ifisser li l-Mulej jitlob minna ħajja ta’ koerenza, ġieli ta’ ċaħda u ta’ sagrifiċċju.  Ifisser li ġieli se nbatu biex nagħmlu dak li hu sewwa u biex nagħtu każ tassew ta’ dak li l-Mulej irid minna. Kif tgħid l-ittra lil-Lhud: “Ibni, la twarrabx it-twiddib tal-Mulej… tassew li bħalissa kull twiddiba ma tferraħniex, imma tnikkitna; iżda mbagħad, dawk li jkunu tħarrġu biha, hija troddilhom il-frott ta’ ħajja mimlija bis-sliem u l-ġustizzja” (Lhud 12:5.11).

Bieb li minnu jgħaddu ħafna nies

Waqt li Ġesù jitkellem fuq il-bieb id-dejjaq, mill-banda l-oħra jgħid li minn dan il-bieb se jgħaddu ħafna nies ġejjin minn kullimkien. Dan hu li kien tħabbar mill-Profeta Isaija, li smajna fl-Ewwel Qari: “Għad niġi niġbor il-ġnus kollha u l-popli ta’ kull ilsien; dawn jiġu u jaraw is-sebħ tiegħi” (Isaija 66:18).  Jiġu, kif jispjega Ġesù fl-Evanġelju, minn kull naħa tad-dinja. Għax Alla jrid lil kulħadd isib il-milja ta’ ħajtu, irid lil kulħadd isalva u hemm ħafna li fil-fatt qed jimxu skond kif irid Alla.

Nitolbu lill-Mulej illum biex jgħinna nimxu sewwa, bla ma ngħawġu t-triq; li nagħmlu dak li hu sewwa quddiem Alla, anke meta dan ifisser sagrifiċċju; li ma jkunx hemm firda bejn dak li ngħidu li nemmnu u dak li nagħmlu f’ħajjitna. Nitolbu lill-Mulej biex ikun hu li jilqagħna fil-bieb miftuħ tas-saltna ta’ Alla.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju