L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

“Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka”. Hekk għedna fis-Salm illum, u hekk smajna lil Pietru fl-ewwel qari mill-Atti tal-Appostli, jgħid lill-kapijiet, lix-xjuħ u lill-kittieba meta staqsewh b’liema qawwa u f’isem min qed jagħmel dak li qed jagħmel, hu u l-appostli. Hu qalilhom: Fl-isem ta’ Ġesù ta’ Nazaret, li intom qtiltuh imma Alla qajmu mill-imwiet. Qalilhom: “Din hi l-ġebla li intom il-bennejja warrabtu u li saret il-ġebla tax-xewka”.

X’ifisser li tkun il-ġebla tax-xewka? Tfisser l-iktar ġebla importanti fil-bini, li qiegħda proprju fil-bażi tal-istruttura kollha tal-bini. Minn din il-ġebla jiddependi wkoll kemm il-bini jitla’ tajjeb. Hija fil-fundament. Mhijiex ġebla għat-tiżjin imma l-iskop tagħha hu ħafna aktar kruċjali minn hekk.

Dak li allura ried jgħid Pietru hu li Ġesù Rxoxt huwa l-ġebla tax-xewka li fuqu għandha sserraħ ħajjitna, għax hu s-Salvatur, hu li jagħtina s-salvazzjoni. Din kienet l-esperjenza tiegħu wkoll, kif rajna fl-Evanġelju, li Ġesù Rxoxt huwa dak li jsalva, dak li jagħti bl-abbundnaza, dak li miegħu tassew għandek il-ġid. Dan li ried jgħid Pietru: il-ġebla tax-xewka hu Kristu, fuqu għandna nserrħu ħajjitna, huwa hu li għandu jkun il-kriterju ta’ dak li hu tajjeb jew ħażin, ta’ dak li għandna nagħmlu jew ma għandniex nagħmlu.

Jekk ikun tassew il-ġebla tax-xewka f’ħajjitna, ifisser li nara lill-oħrajn bil-lenti tiegħu, u allura għalija kull persuna hi għażiża għax kull persuna hi x-xbieha ta’ Alla.

Pawlu, bħal Pietru, wkoll jispjega din b’mod sabiħ fl-Ittra tiegħu lill-Efesin meta jgħidilhom: Aħna ġebel ħaj marbutin ma’ din il-ġebla tax-xewka. Meta marbutin ma’ Kristu bħala l-ġebla tax-xewka, nistgħu ninbnew bħala tempju fejn jgħammar Alla. Qed jgħid għall-Knisja komunità, qed jgħid għalina, kull wieħed u waħda minna personali. Pawlu jgħid biex ma nkunux immexxijin minn dak li nħossu, mill-emozzjonijiet u l-passjonijiet tagħna, imma meta Kristu hu l-ġebla tax-xewka, imexxina tassew Kristu fil-ħajja tagħna.

Jekk ikolli lil Kristu tassew bħala l-ġebla tax-xewka, ma nitkellimx fuq in-nies, jew nikteb fuq in-nies xbieha ta’ Alla qishom dawn mhumiex bnedmin, jew qishom biċċa injama f’baħar, jew, agħar minn hekk, qishom skart.

X’ifisser dan? Ħa nsemmi eżempju li naħseb hu importanti għal ħajjitna llum. B’liema mod Ġesù jkun il-ġebla tax-xewka f’ħajjitna? Jekk ikun tassew il-ġebla tax-xewka f’ħajjitna, ifisser li nara lill-oħrajn bil-lenti tiegħu, u allura għalija kull persuna hi għażiża għax kull persuna hi x-xbieha ta’ Alla. Kemm jekk hija Maltija, kemm jekk Amerikana, kemm jekk Taljana, kemm jekk Afrikana u l-bqija. Kemm jekk il-kulur tal-ġilda hu abjad, kemm jekk kannella, kemm jekk iswed: kull persuna hija xbieha ta’ Alla. Ma teżistix persuna li tgħid dak bniedem, u dak nofs bniedem, jew mhu bniedem xejn, minn dawk li ħalaq Alla. Kull persuna hi xbieha ta’ Alla.

Jekk ikolli lil Kristu tassew bħala l-ġebla tax-xewka, ma nitkellimx fuq in-nies, jew nikteb fuq in-nies xbieha ta’ Alla qishom dawn mhumiex bnedmin, jew qishom biċċa injama f’baħar, jew, agħar minn hekk, qishom skart. Meta nagħmel hekk ma’ dik il-persuna jew ma’ dawk in-nies, inkun qed inwarrab lil Kristu, inwarrbu fil-ġenb u narmi lilu wkoll. Narmi din il-ġebla tax-xewka biex inqiegħed lili nnifsi u l-egoiżmu tiegħi bħala l-ġebla tax-xewka f’ħajti.

Ejjew nitolbu lil Alla l-grazzja li Kristu jkun tassew il-ġebla tax-xewka f’ħajjitna. Jgħinna speċjalment biex inħarsu lejn l-oħrajn bil-lenti tiegħu: kull persuna umana hi għażiża u jistħoqqilha rispett lejn il-ħajja u d-dinjità tagħha. Nitolbu lill-Mulej biex f’ħajjitna jkun dejjem hu l-ġebla tax-xewka u ma nqegħdux lilna nfusna jew l-egoiżmu tagħna bħala l-ġebla tax-xewka f’ħajjitna.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju