L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Niftakar diskursata li snin ilu kelli ma’ persuna, waħda mara, li kienet tgħin ħafna lin-nies fil-bżonn. U kienet qaltli li din il-parabbola, tal-għaxar xebbiet, ħamsa għaqlin u ħamsa boloh, ma togħġobha xejn! Speċjalment dik il-biċċa meta l-ħamsa msejħin boloh jitolbu l-għajnuna lill-oħrajn, biex jagħtuhom ftit żejt minn tagħhom, u dawn jirrifjutaw. Kienet qaltli: dan imur kontra dak li għallimna Ġesù stess, li aħna għandna naħsub f’dawk li huma fil-bżonn, ngħinuhom, u anke jekk hemm bżonn nissagrifikaw ruħna għalihom.

Hu veru li jekk din il-parabbola taraha minn dak l-angolu, tibda tgħid li tistona. Imma hawnhekk Ġesù ma kellux il-ħsieb li lilna jgħidilna x’għandna nagħmlu meta niltaqgħu ma’ dawk li huma fil-bżonn. Hawn messaġġ ieħor hawn, u hu importanti li aħna nifhmu l-messaġġ li jrid jagħtina Ġesù biex nistgħu nifhmu wkoll id-dettalji ta’ din il-parabbola.  

Hawn Ġesù l-messaġġ li qed jagħti hu: kun ippreparat, ippreparata; kun għaqli, għaqlija. Hawn Ġesù qed jitkellem fuq l-għarus, li huwa hu, u dawn ix-xebbiet li jirrappreżentaw lilna. Aħna qegħdin f’mixja biex niltaqgħu miegħu. Ma nafux meta; u anke jekk ninsew dan, imma fil-fatt qegħdin f’mixja biex aħna niltaqgħu miegħu. L-importanti hu li aħna nkunu ppreparati. Għalhekk hu jsemmi l-musbieħ mixgħul.

X’inhu dan il-musbieħ mixgħul? Nistgħu nifhmu s-sens ta’ musbieħ mixgħul meta naraw fil-knejjes tagħna x-xemgħa tixgħel quddiem l-Ewkaristija. Tfisser: l-għaqda tagħna ma’ Alla, aħna magħqudin ma’ Alla. Il-Lhud kienu jżommu dawl jixgħel fis-santwarju. Kienu jqisu li kieku kellhom jitfuh dan id-dawl, kien ikun qishom ċaħdu l-għaqda ma’ Alla. U x’inhu ż-żejt li hemm bżonn biex il-musbieħ ikun mixgħul? Hi l-ħajja ta’ Alla fina, il-grazzja ta’ Alla fina, kemm inħallu lil Alla jimliena bl-imħabba tiegħu, bil-ħajja tiegħu, u hekk nistgħu tassew inkunu magħqudin miegħu. Għalhekk l-imsiebaħ mixgħula, u għalhekk il-bżonn ta’ dan iż-żejt biex il-musbieħ jibqa’ mixgħul.

Hawn nifhmu l-messaġġ li jrid jagħtina Ġesù, speċjalment b’dik is-silta li għal din il-mara kienet tistona, u kultant veru jekk narawha minn angolu ieħor, dik is-silta meta dawn li ma kellhomx żejt staqsew lill-oħrajn “Agħtuna ftit żejt minn tagħkom” u dawn weġbuhom “Għandu mnejn ma jibqax biżżejjed…”, u rrifjutaw. Għaliex? Qed jgħid Ġesù: meta jien niltaqa’ mal-Mulej fl-aħħar tal-ħajja tiegħi, jien responsabbli għalija nnifsi. Ma nistax indur fuq ta’ maġenbi u ngħidlu biex nieħu minn tiegħu, jew minn ta’ ħaddieħor. Jien irrid inwieġeb għalija nnifsi, ma nistax niddependi fuq ħaddieħor meta jiena niltaqa’ mal-Mulej. Dan hu l-messaġġ li jrid jagħti f’din il-parabbola. Għalhekk hu importanti li aħna, fil-ħajja tagħna personali, ikollna f’ħajjitna l-imsiebaħ mixgħula.

Nagħmlu din it-talba lil Alla llum: li aħna f’ħajjitna nfittxu li dejjem ikollna l-għaqda miegħu, bl-imsiebaħ mixgħula, biż-żejt li hu stess jagħtina. Li qalb id-diffikultajiet u l-iżbalji kollha, aħna nqumu dejjem għal ħajja ġdida biex nibqgħu marbutin miegħu, ħalli l-mument meta Alla jsejħilna, aħna jkollna l-imsiebaħ tagħna mixgħula. Il-ħsieb ta’ dan il-mument ma għandux ikun għalina ta’ biża’, imma anzi għandu jkun għalina ta’ paċi u serenità. Jekk aħna f’dil-ħajja nfittxu li ngħixu magħqudin miegħu, ikun mument sabiħ meta aħna niltaqgħu miegħu fil-ħajja ta’ dejjem.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju