• BREAKTHROUGH                                      ****

    Direttur:          Roxann Dawson

    Atturi:              Chrissy Metz, Josh Lucas, Topher Grace, Mike Colter, Marcel Ruiz, Sam Trammel u  Dennis Haysbert

    Ħin tal-Film:    116 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      12A

    John Smith, ġuvnott ta’ erbatax-il sena, hu l-iben adottat ta’ Brian u Joyce Smith. Għalkemm iħobbuh ħafna, John jinsab imħawwad minħabba li l-ġenituri bijoloġiċi tiegħu kienu abbandunawh fi twelidu fi Gwatemala. F’din l-età, qiegħed iħossha wisq bi tqila biex jaċċettah. John sar ribelluż  kontra l-ġenituri u l-għalliema tiegħu. Meta l-għalliema assenjat lill-istudenti biex jagħtu preżentazzjoni fuq l-isfond tal-familji tagħhom, John, ammetta li ma kienx għamlu. Il-kowċ tal-basketball wissieh li jekk ma jagħmlux, dan kien ifisser li kien sejjer jitħalla barra mill-logħba ta’ tmiem-il ġimgħa. John kien player tajjeb u jħobb ħafna l-lobgħa. B’nofs qalb, ta l-preżentazzjoni, għalkemm għamilha ċara li kulħadd kien jaf li hu kien adottat u ma kien jaf xejn il-familja bioloġika tiegħu.

    Ftit jiem wara, John u sħabu, Josh u Reiger marru għal dawra qrib għadira li f’Jannar tkun iffriżata. Ta’ żagħżagħ li kienu, ħadu r-riskju li jirfsu fuq l-għadira ffriżata. Wieħed mir-residenti wissiehom fuq il-periklu, izda huma ma mxewx fuq it-twissija tiegħu. Kif resqu lejn nofs l-għadira, is-silġ ċeda bihom u t-tlieta spiċċaw fl-ilma nġazzat. Josh u Reiger irnexxielhom jitilgħu fil-wiċċ iżda John baqa’ nieżel l-isfel fil-qiegħ. Meta waslet l-għajnuna, it-tnejn ġew salvati. Minnaħa l-oħra, żewg membri tas-salvataġġ għamlu ħilithom biex isibu lil John u kif waslu biex jaqtgħu qalbhom, Tommy Shine  jisma’ leħen jgħidlu biex imur lura. Shine ħaseb li kien sieħbu li kellmu, mar u rnexxielu jsib lil  John u jtellgħu fil-wiċċ. John kien ilu taħt l-ilma ffriżat aktar minn kwarta.

    Mingħajr polz u nifs, John jittieħed fl-isptar lokali fejn team ta’ tobba u nfermiera jagħmlu ħilithom biex isalvaw ħajjet John. Il-ġenituri, Joyce u Brian jiġu msejjħin. Dr. Sutterer jagħti mument waħedha lill-omm mat-tifel tagħha biex issellimlu għall-aħħar darba. Joyce, mbikkma, u b’fidi kbira titlob lill-Ispirtu s-Santu biex John ma jmutx. F’daqqa waħda jinħass, għalkemm dgħajjef, il-polz ta’ John; tama ċkejkna li John jista’ jgħix. Dr. Sutterer jirrikmanda li John jiġi ttrasferit lejn sptar aktar attrezzat, taħt l-attenzjoni ta’ Dr. Garret, espert f’dawn il-każijiet. X’jiġri minn hawn?

    Film Amerikan, dramm Nisrani, taħt id-direzzjoni ta’ Roxann Dawson msejjes fuq storja vera li seħħet f’Jannar 2015. Nirrikmandah ħafna ghal kulħadd ghax juri l-fidi qawwija ta’ omm u l-qawwa tat-talb f’sitwazzjoni fejn deher l-impossibli li jseħħ miraklu.