• Fi stqarrija, Caritas Malta sostniet li kulħadd għandu dritt għal dħul adekwat biex jgħix ħajja diċenti.

    Skont l-aħħar ċifri li ħareġ l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika:

    • fl-2018 kien hemm 78,685 (16.8%) persuna li qed tgħix b’€8,868 fis-sena; dan ikkumparat ma’ 75,516 (16.7%) żieda ta’ 3,169 persuna mis-sena preċedenti
    • fl-2018 kien hemm 16,241 (3.5%) persuna li qed tgħix biss b’€5,912 fis-sena, dan ikkumparat ma’ 12,800 (2.8%) żieda ta’ 3,441 persuna mis-sena preċedenti
    • in-nisa jibqgħu l-ogħla fil-kategorija f’riskju ta’ faqar, b’mod speċjali nisa li huma single parents u l-anzjani.

    L-għajnuna bħal mediċina u childcare bla ħlas, it-trasport li hu b’xejn u numru ta’ għajnuniet indiretti oħra huma mmirati biex itaffu mill-piż ta’ dawk li huma l-iktar vulnerabbli, u jevitaw li persuna taqa’ f’faqar sever.  Madankollu, id-distakk bejn dawk bi dħul baxx u dawk bi dħul ogħli jidher li qed jikber hekk kif tixhed l-istatistika t’hawn fuq. Dħul adegwat hu neċessarju biex persuna tista’ tgħix ħajja diċenti. Wisq aktar meta din il-persuna għandha familja fir-responsabbiltà tagħha.

    Fl-isfond ta’ ekonomija li rat tkabbir fl-aħħar snin ta’ iktar minn 6%, Malta qed tara diversi persuni li ekonomikament sejrin tajjeb. Min naħa l-oħra, dawk li jinsabu fil-kategoriji l-iktar baxxi, qed isibu ruħhom f’sitwazzjonijiet iktar diffiċli biex ilaħħqu ma’ dan il-progress.