Il-Kelma tal-Arċisqof

“Dawk huma flus misħuta!” – L-Arċisqof lil min isellef il-flus bl-użura

Quddiesa fit-30 Ħadd ta' Matul is-Sena

  Il-Kappella tal-Madonna tal-Ħlas, Ħal Qormi

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-għaref tal-liġi jixtieq iġarrab lil Ġesù u jpoġġilu mistoqsija importanti ħafna għal nies li kienu mhux biss midħla tal-liġi imma kienu jafu kemm hemm liġijiet. “Liema hija l-liġi l-iżjed importanti?” (Mt 22:36). Liema hu l-kmandament il-kbir, dak li aħna nistgħu ngħidulu l-pedament jew inkella l-liġi kostituzzjonali, dik li fuqha jorbot kollox, il-liġi suprema?

Ir-risposta ta’ Ġesù tista’ tinġabar f’kelma waħda: l-imħabba… Kompli aqra »

Nirrispettaw il-kuxjenza tagħna u ta’ ħaddieħor – L-Arċisqof

  Il-Kappella tal-Madonna ta' Manresa fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-Mulej jinsisti fuq il-kapaċità tagħna li nagħrfu s-sinjali: “Għala ma tiġġudikawx intom stess x’inhu s-sewwa?” (Lq 12:57). Qiegħed jirreferi wkoll għall-istint qawwi li aħna nsejħulu l-kuxjenza. Il-kuxjenza hija dak ir-raġunament tal-qalb, u mhux biss tal-moħħ, li jikkonvinċina x’inhu sewwa u x’inhu mhux sewwa, x’inhu ħażin. Il-Mulej jgħallimna nagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin u qed ifakkarna li aħna, fil-qalb tagħna, jekk inkunu onesti magħna nfusna, għandna dan id-don u l-kapaċità li niġġudikaw aħna stess x’inhu s-sewwa… Kompli aqra »

‘Il-maħfra hi dik li biha nistgħu nfittxu l-ġustizzja bla ma naqgħu fiċ-ċirku vizzjuż tal-vendetta u fl-ingustizzja li ninsew’

L-Arċisqof jiċċelebra quddiesa fit-tielet anniversarju mill-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia

  Il‑Knisja tal‑Familja Mqaddsa, il‑Bidnija

L-Arċisqof iżur u jitlob fil-post fejn twettaq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Kull anniversarju tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia jqanqal f’ħafna nies diversi emozzjonijiet, ħafna drabi emozzjonijiet kontrastanti. Dan huwa fatt li wieħed ma jistax jiċħdu. Il-persuna ta’ Daphne tkompli, anke wara l-mewt traġika u kiefra tagħha, tqanqal reazzjonijiet anke avversi. Huwa dover tagħna li nibqgħu niftakru.

Laqtuni ħafna l-kliem tal-Papa Franġisku fl-aħħar dokument li ppublika dwar il-fratellanza umana… Kompli aqra »

L-umoriżmu u l-imħabba ta’ Santa Tereża ta’ Avila – L-Arċisqof

Quddiesa fit-tifkira ta' Santa Tereża ta' Avila

  Il-Kappella tal-Madonna ta' Manresa fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Is-silta tal-lum mill-Evanġelju ta’ San Luqa tfakkarna f’dak li hemm miktub fl-istess Evanġelju fil-kapitlu 2 meta Marija u Ġużeppi jieħdu lil Ġesù fit-tempju u Xmun lit-tarbija jsejjħilha: “Id-dawl tal-ġnus, glorja ta’ Israel” (Lq 2:32), is-salvazzjoni lil min qed jistenna, imma lil ommu jgħidilha: “Dan għad ikun sinjal li jmeruh biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija ta’ ħafna” (Lq 2: 35).

L-Evanġelju ta’ San Luqa jitkellem ukoll dwar dan il-konfront qawwi, vjolenti li kellu Ġesù mal-kapijiet, mal-għorrief tal-liġi, u mal-Fariżej li kienu l-esperti fil-liġi u jitkellem dwar ir-responsabbiltà li kellha l-ġenerazzjoni ta’ żmienu… Kompli aqra »

Is-sbuħija ġewwenija – L-Arċisqof

  Il-Kappella tal-Madonna ta' Manresa fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-Fariżew kellu raġun jinnota u jilmenta li Ġesu ma segwix ir-ritwal tal-ħasil (ara Lq 11:38). Fil-fatt, dil-ħaġa, l-Imgħallem m’għamilhiex. Ma kinitx biss kwistjoni ta’ ritwal imma nimmaġina anke ta’ iġene. Ġesu juża dan il-mument biex ifehemna li għalkemm ir-ritwal għandu wkoll is-sinifikat tiegħu, hemm bżonn li jibda minn ġewwa, mill-atteġġjamenti tagħna. Ta’ min nirriflettu ħafna fuqhagħax aħna għandna ħafna devozzjonijiet… Kompli aqra »

Missier li qatt ma jaqta’ qalbu minna – L-Arċisqof

Quddiesa fit-28 Ħadd ta' Matul is-Sena

  Il-Kappella tal-Madonna tal-Ħlas, Ħal Qormi

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Anke illum Ġesù jagħtina parabbola, storja li jużaha biex jiddjaloga, biex jitkellem mal-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu.

Kien qed iħoss li mhux se jilqgħuh. Beda jifhem li qiegħda sseħħ dik il-profezija ta’ meta kellu 40 jum biss. Nimmaġina li rrakkuntawlu meta Xmun qalilhom: “Dan għad ikun sinjal li jmeruh” (Lq 2:34). Imma Ġesù donnu ma jaqtax qalbu. Ikompli jistieden lill-mexxejja tal-poplu ta’ żmienu li, kif nafu, imbagħad kellhom jakkużawh u jagħtuh għall-mewt, iġiegħlu lil Pilatu jikkundannah biex imut fuq is-salib… Kompli aqra »

“Il-Mulej ma jħarisx lejn it-tikketti, iħares lejn il-qalb” – L‑Arċisqof

Quddiesa fit-318-il anniversarju mid-dedikazzjoni tal-Katidral

  Il-Katidral ta' San Pawl, l-Imdina

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ħsieb qasir aħna u niċċelebraw is-solennità tal-anniversarju ta’ dan il-katidral, ta’ din il-knisja prinċipali fid-djoċesi tagħna.

Il-Knisja, fit-talb tagħha f’din il-ġurnata solenni, toffri riflessjoni ta’ Santu Wistin fit-tieni qari fl-Uffiċċju tal-Qari. Santu Wistin jitkellem fuq il-konsagrazzjoni tad-dar, tal-komunità, tal-Knisja u jgħid li meta nħarsu lejn din il-binja nirrealizzaw kemm hemm elementi differenti, kemm hemm materjal differenti, imma kollu miġjub f’armonija waħda u maqgħud tajjeb… Kompli aqra »

Il-bilanċ bejn ix-xogħol u t-talb – L-Arċisqof

Quddiesa b'tifkira ta' San Bruno u l-Beatu Bartilmew Longo

  Il-Kappella tal-Madonna ta' Manresa fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Tradizzjonalment dan l-Evanġelju jiġi interpretat bħala l-figura ta’ żewġ nisa: Marta li medhija, kif jgħid il-Evanġelju stess, bil-ħafna ħwejjeġ tax-xogħol tad-dar, tal-faċendi; u Marija li tippreferi toqgħod f’riġlejn Ġesù tisimgħu u titgħallem minnu. U b’xi mod fit-tradizzjoni tad-devozzjoni tal-Knisja, Marta tirrapreżenta x-xogħol u l-appostolat attiv, mentri Marija hija dik li tirrapreżenta l-ħajja tat-talb, il-ħajja moħbija, il-ħajja ta’ kontemplazzjoni.

Jiena naħseb li kemm Marta u kemm Marija, li t-tnejn laqgħu lil Ġesù, kellhom jitgħallmu li dak li ma jitteħdilhomx huwa propju l-imħabba tal-Mulej… Kompli aqra »

L-imħabba mhix pussess imma għotja – L-Arċisqof

Quddiesa fis-27 Ħadd ta' Matul is-Sena

  Il-Kappella tal-Madonna tal-Providenza, is-Siġġiewi

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Kien hemm wieħed sid ta’ għalqa u ħawwilha bid-dwieli” (Mt 21:33). Id-dielja fl-għanja tal-profeta hija l-proġett ta’ mħabba li Alla għandu għall-poplu tiegħu. Fil-fatt fil-kitba tal-profeta Iżaija li smajna fl-Ewwel Qari llum, wieħed jinnota kemm-il darba l-Mulej jissejjaħ ‘il-maħbub’ u l-għanja tad-dielja hija l-għanja tal-imħabba tiegħu. “Ħa ngħanni lill-Maħbub tiegħi l-għanja ta’ mħabbtu għall-għalqa tad-dwieli tiegħu. Il-maħbub tiegħi kellu għalqa tad-dwieli fuq għolja għammiela” (Iż 5:1)… Kompli aqra »

L-ubbidjenza hi att ta’ mħabba lejn il-pajjiż, lejn id-demokrazija tagħna, u lejn id-dinjità ta’ kull persuna – L-Arċisqof

Quddiesa f’Jum il-Forzi Armati

  Il-Konkatidral ta' San Ġwann, il-Belt Valletta

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-Kittieba li kienu l-esperti tal-liġi — qishom l-avukati — fi żmien Ġesù kellhom problema kbira. Kien hemm ħafna liġijiet u d-domanda l-iżjed importanti kienet: imma liema hi l-aqwa liġi?

B’xi mod, fis-sistema tagħna llum m’għandux ikollna problema. L-aqwa liġi fil-pajjiż hija l-Kostituzzjoni. Imma d-domanda li dan il-kittieb jagħmel lil Ġesù hija domanda kostituzzjonali. Liema hi l-aqwa liġi? Fuq liema liġi jinbnew il-liġijiet kollha? … Kompli aqra »