Il-Kelma tal-Arċisqof

L-Arċisqof lill-Bażilika Minuri ta’ Raħal Ġdid: Titlu li jġib responsabbiltà

Quddiesa fejn inqara d-digriet uffiċjali tal-Papa li eleva l-knisja għal bażilika minuri

  Il-Bażilika Minuri ta' Kristu Re, Raħal Ġdid

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-Evanġelju li għadna kemm smajna jibqa’ dejjem sfida għal kull wieħed u waħda minna. Dan ir-re, dan is-sultan, li aħna nqimu u li għalih ġiet iddedikata din il-parroċċa bażilika minuri, huwa re li jħossu ħaġa waħda ma’ kull wieħed u waħda minna. Dak kollu li nagħmlu lil xulxin iqisu magħmul lilu nnifsu: “Kulma għamiltu lill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40)… Kompli aqra »

L-għażla li jagħtina l-Mulej – L-Arċisqof

Quddiesa fis-17-il Ħadd Matul is-Sena

  Il-Kappella tal-Madonna tal-Fidwa, Selmun

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Nistgħu nifhmu aħjar l-ewwel żewġ parabboli li jagħtina Ġesù llum fl-Evanġelju skont San Mattew kapitlu 13, fid-dawl anke tar-rakkont sabiħ li smajna fl-ewwel qari. David miet u bħala sultan warajh, il-Mulej jagħżel lil Salamun, li fil-ħolm ikollu dan id-djalogu mal-Mulej. Il-Mulej jagħmillu mistoqsija, li tista’ tkun ukoll mistoqsija li għamel lill-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna: “Itlobni xi ħaġa x’nagħtik” (1 Slat 3:5)… Kompli aqra »

It-talb iwassal għall-imħabba – L-Arċisqof

Quddiesa fil-festa ta' Santa Briġida tal-Iżvezja

  Il-Kappella tal-Madonna ta' Manresa fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Fil-festa ta’ Santa Briġida, dan l-Evanġelju jispjegalna forsi l-qalb ta’ din il-qaddisa li magħrufa wkoll bħala mara ta’ mistiċiżmu awtentiku u kbir.

Fil-fatt, nistgħu ngħidu li kienet magħżula minn Alla biex tkun profeta għall-Knisja. Briġida, anke mqanqla mit-talb u bil-kuntatt kontinwu ma’ Ġesù, kienet tħares lejn il-kapijiet ta’ żmienha — kemm reliġjużi kemm ċivili — u kienet tiktbilhom ittri qawwija ħafna b’mod anke dirett… Kompli aqra »

Aħna lkoll ommijiet ta’ Ġesù fl-imħabba ta’ bejnietna – L-Arċisqof

  Il-Kappella tal-Madonna ta' Manresa fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Dan l-inċident insibuh fi tliet evanġelji li jixtiebhu, u li aħna ngħidulhom sinottiċi għax jixtiebhu, f’dak ta’ San Mattew, San Mark u f’ta’ San Luqa. Huwa San Mark biss li jgħidilna li ommu u ħutu marru jfittxu lil Ġesù għax xi ħadd qalilhom li kien qed jitlef minn moħħu, li kien qed jiġġennen.

Tistgħu timmaġinaw kemm inkwetat il-Madonna… Kompli aqra »

“Meta tieħu paċenzja tgħix ta’ nies” – L-Arċisqof

Quddiesa fis-16-il Ħadd Matul is-Sena

  Il-Kappella tal-Madonna tal-Fidwa, Selmun

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-Evanġelju minn San Mattew li għadna kemm smajna huwa pjuttost twil. Ġesù juża tliet tixbiehat: l-ewwel il-parabbaola tal-qamħ u s-sikrana, it-tieni dik taż-żerriegħa tal-mustarda u t-tielet waħda hi dik tal-ħmira.

Permezz ta’ dawn it-tixbiehat il-Mulej qiegħed jispjegalna x’inhi s-saltna tas-smewwiet. Ma ninsewx li meta nitolbu t-talba li għallimna Ġesù, bħalma nagħmlu f’kull quddiesa, nitolbuh dejjem “tiġi saltnatek”. Allura tajjeb li nifhmu x’qed jipprova jgħidilna Ġesù meta jispjegalna x’inhi din is-saltna… Kompli aqra »

L-Omm li tħobb, tagħder, tidħol għalina u tieħu ħsiebna – L-Arċisqof

Quddiesa u pellegrinaġġ fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu

  Il-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu, il-Belt Valletta

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Fit-tgħanniqa ta’ mħabba taż-żewġ persuni Anna u Ġwakkin, il-Mulej joħloq lill-Verġni Marija. L-isem tagħha jfisser qatra f’oċean (għalhekk Marjan). Imma hija qatra li l-ħlewwa tagħha taf tbiddel l-imluħa tal-ibħra kollha f’ilma safi u tajjeb għax-xorb.

Meta l-Mulej ried li fil-ġuf purissmu tagħha tnissel lil ibnu, ried jafdaha f’idejn San Ġużepp. Fil-ħolm qallu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu” (Mt 1:20)… Kompli aqra »

L-Arċisqof jistaqsi: Fejn qed twassalna l-fidi tagħna?

Quddiesa offruta għall-infermiera u l-kappillani tal-isptarijiet

  Il-Kappella tal-Madonna ta' Manresa fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Imdorrijin nitkellmu dwar Ġesù “ta’ qalb ħelwa u umli” imma Ġesù jitkellem ukoll dwar il-ġudizzju. Il-ġudizzju mhuwiex xi ħaġa negattiva imma hu effett tal-libertà li biha l-Mulej żejjinna. Frott il-libertà hija wkoll ir-responsabbiltà. Jekk għandi għażla, nista’ nagħżel tajjeb jew ħażin u rrid ukoll naċċetta l-konsegwenzi tal-għażliet tiegħi.

Il-Mulej iwissi lil min kien xhud tal-mirakli u l-qawwa tiegħu li tfejjaq, li rċieva ħafna imma għax irċieva ħafna, għandu wkoll ħafna responsabbilta (ara Mt 11:21)… Kompli aqra »

“L-Ispirtu s-Santu huwa dak li jagħmel il-bidla tal-offerti fqar tagħna” – L-Arċisqof

Quddiesa f'għeluq it-80 sena mill-adorazzjoni perpetwa

  Il-Knisja tal-Ispirtu s-Santu, iż-Żejtun

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Dan hu ġismi, dan hu demmi”. Il-preżenza ta’ tant nies f’dawn l-aħħar 80 sena f’din il-knisja ddedikata lit-tielet persuna tas-Santissima Trinità, lill-Ispirtu s-Santu, tixhed il-fidi f’dawn il-kelmiet ta’ Ġesù: “dan hu ġismi, dan hu demmi”.

Dak li jiġbidna lejn l-Ewkaristija huwa propju din il-fidi mibnija fuq il-fiduċja totali fil-Kelma ta’ Ġesù. Hija l-kelma ta’ Ġesù li jlissen is-saċerdot u l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li tibdel il-ħobż li aħna nippreżentaw u l-inbid li aħna nippreżentaw, fil-ġisem u d-demm ta’ Ġesù… Kompli aqra »

Aħna min aħna biex niddubitaw mill-fiduċja lejn San Ġużepp? – L-Arċisqof

Quddiesa Pontifikali fil-festa ta' San Ġużepp

  Il-Knisja Parrokkjali ta' San Leonardu, Ħal Kirkop

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Malli toqrob it-tifkira tal-patrijarka San Ġużepp — u diversi rħula li għandhom lilu bħala patrun, jew prinċipali jew sekondarju jibdew jiżżejnu bl-armar  — nibdew naraw jinbtu fit-tiżjin tal-festi dawn it-tliet kelmiet: Ite ad Josef (morru għand Ġużeppi). L-ewwel qari li smajna llum jagħtina l-ispjega ta’ minn fejn ġejjin dawn il-kliem li nassoċċjaw ma’ San Ġużepp, l-għarus ta’ Marija Verġni… Kompli aqra »

Intom il-garanzija tagħna ċ-ċittadini li ħadd mhu ’l fuq mil-liġi – L-Arċisqof lill-Korp tal-Pulizija

Quddiesa fil-206 anniversarju mit-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija ta' Malta

  Il-Konkatidral ta' San Ġwann, il-Belt Valletta

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ippermettuli napplika l-kliem ta’ Ġesù lill-appostli għall-membri tal-Korp, ovvjament mhux għall-kummissarju biss, imma għall-membri kollha.

Ġesù jħares lejn l-appostli tiegħu, jifhem li ’l quddiem se jkollhom ibatu ħafna. Fil-fatt, parti kbira mill-Evanġelju li qrajna mill-kapitlu 10 ta’ San Mattew jitkellem fuq il-kuntest ta’ persekuzzjoni. Matul iż-żminijiet il-Knisja għaddiet minn dawn il-mumenti koroh tad-dlam. Parti mid-destin tagħha hu li tilqa’ wkoll ir-rifjut ta’ min ma jridx jaċċetta l-istedina tal-Mulej… Kompli aqra »