Nhar il-Ħadd 21 ta’ Awwissu 2011, is-26 edizzjoni tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ ġiet imfakkra fi Cuatro Vientos ġewwa Madrid. Żewġ miljun persuna ħadet sehem fl-avveniment, fosthom aktar minn 600 Maltin u Għawdxin.

Huma u jinġabru fuq il-post matul il-ġurnata ta’ qabel, iż-żgħażagħ irreżistew temperaturi għolja ħafna wara nofsinhar u xita qawwija filgħaxija sabiex jilqgħu lill-Papa Benedittu u jqattgħu il-lejl fit-talb flimkien miegħu.

Matul il-ġimgħa ta’ qabel, il-pellegrini ipparteċipaw fi programm t’attivitajiet kulturali u reliġjużi intensiv bit-tema uffiċjali “Niżżlu għeruqkom fih, ibnu ħajjitkom fuq Kristu; issaħħu fil-fidi” (Kol 2,7).

Ir-rapreżentanti Maltin ħadu sehem attiv fl-attivitajiet, fosthom il-band lokali RiSe, li kienet milqugħa tajjeb mill-udjenzi fil-kunċert tal-ftuħ. Il-mużiċist Robert Galea kien mistieden ukoll għal tliet appuntamenti differenti filwaqt li numru ta’ gruppi żgħażagħ organiżżaw u animaw diversi laqgħat internazzjonali. L-isqof Mario Grech, ukoll, kellu programm mimli b’serje ta’ taħdidiet għal żgħażagħ li jitkellmu bl-ingliż.

Il-Maltin kienu mferrxin madwar Madrid, bi pjanijiet differenti, iżda nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Awwissu, iltaqgħu kollha flimkien ġewwa l-knisja Santa Maria de Esperanza biex jiċċelebraw Jum Malta. L-avveniment kien apprezzat ferm miż-żgħażagħ ta’ pajjiżi oħra li kienu mistiedna jattendu.

Fiċ-ċerimonja tal-għeluq, Papa Benedittu XVI ħabbar li Jum Dinji taż-Żgħażagħ li jmiss se jkun iċċelebrat ġewwa Rio de Janeiro, il-Brażil, fl-2013.