Hamburg University

Rapporti tal-Vatikan qalu li l-Universita ta’ Hamburg qed tħejji għat-tnedija ta’ ċentru ġdid ta’ Teoloġija Kattolika u pedagoġija tar-reliġjon. L-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan irrapporta li fit-18 ta’ dax-xahar, is-Santa Sede u l-belt ta’ Hamburg fil-Ġermanja “ffirmaw ftehim dwar il-ħolqien ta’ dan iċ-Ċentru”. L-Universita ta’ Hamburg għandha Ċentru simili għat-teoloġija protestanta fuq il-kampus.

L-Arċidjoċesi ta’ Hamburg irrappurtat li l-inizjattiva għandha bħala għan li tiżviluppa t-Teoloġija Kattolika fi djalogu ma’ xjenzi oħra, u aspett partikolari taċ-Ċentru se jkun li jippromwovi id-djalogu bejn il-Knisja u l-Istat dwar it-tagħlim tar-Reliġjon u x-Xjenza.

Il-ftehim kien iffirmat mill-Arċisqof Jean Claude Perisset, nunzju appostoliku għall-Ġermanja, f’isem is-Santa Sede, u mill-Ministru għax-Xjenza u r-Riċerka f’Hamburg, Herlind Gundelach, f’isem l-istess belt. Għaċ-ċerimonja attendew ukoll l-Arċisqof ta’ Hamburg, l-Isqof Awżiljarju u rappreżentanti tal-Universita.