Pope in Cyprus

Uffiċjali fl-Ambaxxata ta’ Ċipru għas-Santa Sede qed jaffermaw l-importanza storika taż-żjara tal-Papa Benedittu XVI fil-gżira, skedata bejn l-4 u s-6 ta’ Ġunju 2010.

Il-President Demetris Christofias, flimkien mal-Knisja lokali, stiednu lill-Papa sabiex iżur il-gżira, li se tkun is-16-il vjaġġ internazzjonali. Matul dawn it-tliet ijiem f’Ċipru huwa se jiltaqa’ mal-mexxejja tal-Gvern u tal-Knisja u se jagħmel pellegrinaġġ lejn it-tifkira ta’ San Pawl f’Paphos.

Iż-żjara appostolika se tasal hekk kif Ċipru qed ikompli jissielet mat-Turkija dwar in-naħa ta’ fuq tagħha. It-tensjoni bejn il-maġġoranza Griega Ċiprijotta u l-minoranza Torka Ċiprijotta ilha żmien għaddejja, sa mill-1974 meta tal-aħħar kellhom kontroll ta’ terz tal-gżira.  Fl-1983, iż-żona okkupata mit-Torok Ċiprijotti ġiet iddikjarata bħala r-Repubblika Torka tat-Tramuntana ta’ Ċipru, pero hi biss it-Turkija li tirrikonoxxi dan.Fl-aħħar snin, il-Ġnus Maqgħuda inkoraġġiet lil Ċipru jġedded l-isforzi ta’ unifikazzjoni, pero progress sar ftit li xejn u l-konflitt hu wieħed mir-raġunijiet li jingħad li qed iżomm lit-Turkija barra mill-UE. Iktar minn hekk fit-18 t’April,  it-Torok-Ċiprijotti eleġġew President b’linji iebsa fuq il-kwistjoni.

Min-naħa tiegħu, il-Papa Benedittu XVI, fl-indirizz tiegħu fl-2009 lill-korpi diplomatiċi, osserva li t-tama għall-paċi hi ħajja f’Ċipru.