• *****

    Direttur:          Lee Unkrich

    Ilħna:               Anthony Gonzales, Gael Garcia Bernal, Benjamin Bratt, Alanna Ubach, Renèe Victor, Ana  Ofelia Murguia, Edward James Olmos u Alfonso Arau

    Ħin tal-Film:    109 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 PG

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      PG

    Fir-raħal ta’ Santa Ċecilia, ġewwa l-Messiku, Imelda Rivera, il-mara ta’ mużiċist li abbanduna lilha u lil bintu, Coco, biex isegwi l-karriera tiegħu ta’ mużiċist, ipprojbixxiet kull tip ta’ mużika fil-familja. Imelda fetħet negozju ta’ skrapan. Preżentament il-gran neputi, Miguel kien qiegħed jgħix mal-bużnanna Coco u l-familja tagħha. Miguel spiss kien joħlom li xi darba jsir mużiċist kbir bħal Ernesto de la Cruz, attur popolari ħafna u kantant ta’ żmien Imelda.

    Jum wieħed, Miguel, bla ma jrid, jagħmel il-ħsara lir-ritratt ta’ Imelda li kien jinsab fiċ-ċentru ta’ ritratti ta’ membri oħra mejtin tal-familja, f’rokna mżejjna apposta fid-dar u magħrufa aħjar bħala ofrenda. Ir-ritratt kien juri lil Imelda ma’ żewġha bla wiċċ u Coco, tifla ċkejkna. Meta Miguel jiftaħ ir-ritratt kollu, jara li f’idejn il-missier kienet tidher l-famuża kittara ta’ Ernesto. Miguel jikkonkludi li hu kien dixxendent ta’ Ernesto u li dan kien il-gran bużnannu tiegħu. Miguel jargumenta ma’ nanntu Elena u jitlaq biex jidħol f’Wirja ta’ Talent f’Jum il-Mejtin.  Minħabba li ma kellux kittara, hu jidħol fil-masulew fejn kien midfun Ernesto u minn hemm jisraq il-kittara. Kif jagħmel hekk, Miguel jsib ruħu trasportat fid-Dinja tal-Mejtin flimkien mal-kelb Dante.

    Miguel hawn jara l-iskeletri ta’ qrabatu mejtin li kienu sejrin għal żjara fid-dinja mid-Dinja tal-Mejtin. Dawn jeħduh magħhom iżda Imelda ma kenitx imdaħħla magħhom għax hu kien ħa r-ritratt tagħha mill-ofrenda. Talli ħa r-ritratt, Miguel isib ruħu misħut. Kien hemm il-bżonn li, biex jerġa’ lura lejn l-Art tal-Ħajjin qabel tlugħ ix-xemx, jirċievi barka minn xi membru tal-familja billi jagħmel użu minn petala tal-qronfol tat-Torok. B’hekk biss seta’ jeħles minn din is-saħta. Imelda toffrilu din il-barka fuq kundizzjoni li hu jabbanduna n-namra tiegħu mal-mużika meta jerġa’ lura lejn l-Art tal-Ħajjin. Miguel iżda jirrifjuta u jittanta li jġib din il-barka minn Ernesto. Sadanittant Miguel jiltaqa’ ma’ Hector li xtaq jinżel fid-Dinja tal-Ħajjin għal ġurnata iżda ma kellux ir-ritratt meħtieġ. Min kien dan Hector? X’jiġri minn hawn?

    Film Amerikan, animat-komputerizzat, fantasjia mużikali, prodott minn Pixar Animation, taħt id-direzzjoni ta’ Lee Unkrich. Film bi storja tajba li jippromwovi l-valuri ta’ familja magħquda. Minħabba t-tema ttrattata fejn tidhol il-ħajja wara l-mewt ikun tajjeb li l-film jarawh it-tfal ukoll iżda akkumpanjati minn xi adult.