• ***

    Direttur:          Sean Anders

    Atturi:              Will Ferrell, Mark Wahlberg, Linda Cardellini, John Cena, John Lithgow, Mel Gibson, Scarlett Estevez u Owen Vaccaro

    Ħin tal-Film     100 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       15

    Brad Whittaker u Dusty Mayron, wara li saru ħbieb fl-ewwel avventura kif konna rajna fil-film: Daddy’s Home, jaslu fi ftehim li Brad jibda jaqsam ma’ Dusty it-trobbija taż-żewġ uliedu, Megan u Dylan billi għamlu  xi żmien jgħixu għandu wkoll.  Sadanittant,  Dusty kien reġa’ żżewweġ lil Karen, kittieba. B’dan iż-żwieg, Dusty kien sar ukoll missier tar-rispett ta’ Adrianna, it-tifla ta’ Karen mill-ewwel żwieġ.

    Lejla waħda, Brad u martu Sara flimkien ma’ Dusty u Karen attendew  għal serata fl-iskola fejn kienet tmur Megan.  Megan, quddiem l-udjenza kollha stqarret li xejn ma kienet kuntenta li minn żmien għal żmien ikollha tgħix f’dar ta’ ħaddieħor. Lura fid-dar, Brad u Dusty, wara dak li semgħu, jiddeċiedu li l-Milied din is-sena jiċċelebrawh flimkien minflok separatament. Hekk kif Dusty jagħti l-aħbar lit-tfal, tidħol telefonata mingħand Kurt, missier Dusty u jgħidilhom li kien ġej għal Milied u li sejjer jasal l-għada filgħodu. Brad ukoll jagħrrafhom li l-ġenituri tiegħu kienu ġejjin għal Milied. L-għada, Brad u Dusty jmorru l-mitjar biex jilqgħuhom.

    Mal-wasla tagħhom jibdew l-avventuri. Waqt li Don, missier Brad jiġi waħdu minghajr il-mara, Kurt, missier Dusty,  xejn ma jaqbel bl-arranġamenti li Brad u Dusty kienu għamlu rigward it-trobbija tan-neputijiet tiegħu. Lura lejn id-dar, Megan u Dylan jibdew jiddiskutu fejn kienu sejrin jiċċelebraw il-Milied.  L-ideat li bdew jissuġġerixxu  xejn ma għoġbu lin-nannu Kurt u għalhekk jiddeċiedi għal kulħadd hu, billi jikri dar kbira biex b’hekk il-Milied u l-ġranet ta’ wara, kulħadd ikun flimkien. Il-jum wasal biex b’żewġ karozzi jibdew il-vjaġġ. Dusty sab diffikultà li jdaħħal il-bagalji kollha u għalhekk  jħalli bagalja l-art.  

    Kif jaslu, Brad xejn ma ħa pjaċir li l-bagalja tiegħu ma waslet qatt. X’jiġri minn hawn hekk kif iż-żewġ familji jibdew jorganizzaw irwieħhom biex jiċċelebraw kif kien xieraq il-festi tal-Milied? Id-dar li Kurt kien kera kienet kbira u komda b’temp ideali. Il-problemi iżda ma naqsux! Tgħid din l-avventura tispiċċa b’wiċċ-il ġid? Fin-nofs tal-avventura jidħol ukoll fix-xena, Roger, missier Adrianna. Dusty xejn ma ħa pjaċir!

    Film Amerikan, kummiedja, taħt id-direzzjoni ta’ Sean Anders, kitba ta’ Anders u John Morris.  Minħabba umoriżmu sesswali, ġuramenti, kliem insensittiv u goff, kif ukoll ġesti oxxeni, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.