L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Kif inkun żgur minn dan?” (Lq 1:18) Dan hu l-kliem li qal Żakkarija lill-anġlu Gabriel meta dan deherlu fit-tempju biex jagħtih l-aħbar li martu Eliżabetta se jkollha iben, lil Ġwanni l-Battista. Qallu diversi dettalji fuq Ġwanni l-Battista, imma r-reazzjoni ta’ Żakkarija kienet: “Kif inkun żgur minn dan?” 

Huwa San Luqa l-uniku evanġelista li jġib dan l-episodju tat-tħabbira tat-twelid ta’ Ġwanni l-Battista, bħalma huwa hu, San Luqa, l-uniku wieħed li jġib l-episodju tat-tħabbira tal-Mulej, meta l-anġlu Gabriel deher lil Marija. Ikun tajjeb li aħna neħduhom flimkien, dawn iż-żewġ tħabbiriet, għax hemm ħafna li jgħallmuna għall-ħajja tagħna.

Hemm id-differenzi. Meta l-anġlu Gabriel deher lil Żakkarija, dan kien bniedem anzjan, u kien qassis li jaqdi fit-tempju, u l-anġlu deherlu fit-tempju; mentri lil Marija, żagħżugħa, l-anġlu Gabriel dehrilha fid-dar tagħha. Imma hemm ħafna xebh. Apparti li kien l-istess anġlu, Gabriel, li kien mibgħut minn Alla biex jagħti l-aħbar it-tajba, meta kellimhom, it-tnejn li huma tħawdu – kemm Zakkarija, kif ukoll Marija. Lit-tnejn li huma, l-anġlu jgħidilhom: “tibżax” (Lq 1:13.30). Lit-tnejn ukoll l-anġlu jgħidilhom l-isem tat-tarbija; lil Żakkarija qallu: “Inti ssemmih Ġwanni” (Lq 1:13), u lil Marija: “issemmih Ġesù” (Lq 1:31). Fuq it-tnejn, l-anġlu jgħid “hu jkun kbir” (Lq 1:15.32), u jitkellem fuq il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. It-tnejn li huma, Żakkarija u Marija, iwieġbu b’mistoqsija.

Hu hawn li nixtieq li nirriflettu, għax hawn hija d-differenza li nistgħu naraw bejn it-tħabbira tat-twelid ta’ Ġwanni l-Battista u t-tħabbira tal-Mulej, tat-twelid ta’ Ġesù. Hawn, Żakkarija jgħid: “Kif inkun żgur minn dan?” Hu kien raġel xih, Eliżabetta martu kienet imdaħħla fiż-żmien u ma setax ikollha tfal. Il-mistoqsija tiegħu hija: “Kif inkun żgur?” jiġifieri: xi provi se tagħtini biex inkun żgur minn dan? U t-tweġiba tal-anġlu kienet: talli ma emmint ma tkunx tista’ titkellem sa dak in-nhar li jiġri kulma ħabbartlek. Kienet il-prova li tah. 

Araw Marija, hi wkoll staqsiet. Qalet: “Kif ikun dan?” (Lq 1:34) Marija ma fittxetx il-provi, imma staqsiet: jien kif se nidħol f’dan il-pjan speċjali ta’ Alla? Dik kienet il-mistoqsija tagħha. Żakkarija, kif qal l-anġlu, ma emminx, iddubita; Marija emmnet. Fil-fatt il-ġrajja ta’ Marija tispiċċa meta hi tgħid: “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1:38).  U Eliżabetta, meta Marija magħad tmur iżżurha, tgħidilha: “Hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej” (Lq 1:45). Qisu, kważi kważi, qed tgħidilha: mhux bħar-raġel tiegħi, Żakkarija.  Hienja Marija li emmnet.

Hawn għandna l-isbaħ messaġġ ukoll għall-ħajja tagħna: il-qawwa tal-fidi. Il-fidi tgħinna biex aħna jkollna qalbna miftuħa għal Alla li jagħmel ħwejjeġ kbar. Żakkarija nduna b’dan aktar tard; induna kemm hu veru dan li qallu l-anġlu Gabriel. Seta’ jara, għax seħħ dak kollu li qallu. Marija tgħallimna l-qawwa tal-fidi. Illum fil-kelma ta’ Alla nagħrfu kemm hi importanti l-fidi għall-ħajja tagħna. U li Alla jkellimna wkoll f’ċirkustanzi differenti. Jgħinna biex ikollna qalbna miftuħa għalih. Mhux bilfors għax jidhrilna anġlu, bħalma deher Gabriel, imma kultant anke permezz ta’ persuni, qishom anġli, li jagħtuna parir tajjeb u li jagħmlulna l-ġid. 

Dawn it-tnejn, Żakkarija u Marija, it-tnejn imbagħad għamlu innu sabiħ ta’ tifħir lil Alla. Marija, ftit wara t-tħabbira meta marret għand Eliżabetta, għamlet l-innu tal-Magnificat: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej…” (Lq 1:46) U Żakkarija, meta twieled Ġwanni l-Battista, għamel l-innu sabiħ tal-Benedictus: “Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Israel, għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu” (Lq 1:68). Nitolbu llum lill-Mulej biex isaħħaħna fil-fidi tagħna, jgħinna negħlbu d-dubji li jidħlu f’moħħna, f’ħajjitna, u biex fuq fommna jkollna l-kliem ta’ tifħir ta’ Żakkarija u ta’ Marija: “Imbierek il-Mulej…Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej”. 

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju