• ****

    Direttur:          Nick Park

    Ilħna:               Eddie Redmayne, Tom Hiddleston, Maisie Williams, Timothy Spall, Richard Ayoade, SelinaGriffiths u Johnny Vegas

    Ħin tal-Film:    89min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 PG

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      PG

    Ninsabu lura fi żmien il-pre-istorja fejn niltaqgħu ma’ Dug, li kien jgħix ma’ sħabu f’għerien bħala djarhom.  Dug kellu lil Hognob, bħala ħabib intimu. It-tribù kien jgħix ħajja trankwilla taħt il-mexxej Bobner. Dug dejjem xtaq li minflok jikkaċċjaw fniek, joħorġu għall-mammuti u jimirħu aktar ’l barra għall-aktar avventuri. Bobner, iċ-chief iżda kien kuntent jgħix ħajja bla inkwiet. Ma tantx kien jagħti każ ta’ dak li kien jitlob Dug.

    Jum wieħed, il-wied fejn kienu jgħixu jiġi attakkat minn għadu li ma kienux jemmnu li jeżisti, għadu li skopra l-bronż u bena belt kbira tal-bronż kif ukoll armata mgħammra tajjeb b’armi tal-bronż.  L-attakk kien immexxi minn Lord Nooth, bniedem mimli bih innifsu u moħħu biss biex  jistgħana.  Nooth invada l-wied għaliex kien jemmen li fih kien hemm minjiera ta’ bronż. Riżultat ta’ din l-invażjoni, it-tribù kollu, mmexxi minn Bobner kellu jaħrab u jsib kenn ġewwa Badland, post mhux wisq attraenti bħal wied fejn kienu jgħixu qabel. Fl-invażjoni, Dug aċċidentalment jaqa’ f’idejn l-għadu u hemm jiskopri x’belt kbira kienu bnew dawn bil-bronż.

    Fortunatament, Dug b’xi mod jew ieħor irnexxielu jsib ruħu ħieles u hawn jiltaqa’ ma’ Goona, tfajla ħelwa u fuq tagħha u li kienet tbiegħ taġnijiet tal-bronż. F’daqqa waħda, Dug isib ruħu mkaxxkar minn folla nies sejra lejn stadju kbir għal spettaklu kbir li fil-fatt kienet logħba msejjħa futbol. Dug ma tantx kellu idea ta’ kif kienet tintlagħab din il-logħba, iżda kellu idea żgħira għaliex fl-għerien fejn kienu jgħixu darba, kien hemm tpinġijiet tal-antenati tagħhom jatu bis-sieq forma ta’ ballun. Dug tiġih idea u fl-istess waqt opportunità biex forsi jieħdu lura arthom, billi jisfida għal logħba futbol, it-tim Real Bronżio, tim mimli plejers ta’ fama.

    Dug imur lura fil-Badland biex jinforma lit-tribù bl-isfida li kien għamel biċ-ċans li jekk jirbħu jieħdu lura l-wied fejn kienu jgħixu qabel. Jekk jitilfu kien ifisser li għal kumplament ta’ ħajjithom, jispiċċaw skjavi fil-minjiera tal-bronż. Biex jghinhom, ġab miegħu lit-tfajla Goona li kellha idea kif jintlagħab il-futbol. Bobner għalkemm mhux tant konvint, jaċċetta li Dug jsir il-kowċ tat-tim. X’jiġri minn hawn?

    Film Brittaniku, animat,  hu taht id-direzzjoni ta’  Nick Park, kitba ta’ Mark BurtonuJames Higginson. Film pozittiv, mimli azzjoni u li għandu jogħġob lil dawk kollha li jħobbu films animati bi storja ħelwa.