ecumenism

F’Edinbera, il-knejjes insara tad-dinja dis-sena se jiltaqgħu bejn it-2 u s-6 ta’ Ġunju sabiex ifakkru l-100 anniversarju tal-Konferenza Missjunarja Dinjija li saret fl-1910. Dik il-ġurnata hi meqjusa bħala l-jum uffiċjali li matulu twieled il-moviment ekumeniku modern.

Kien bejn l-14 u t-23 ta’ Ġunju 1910, meta madwar elf delegate minn taqsimiet different ital-Protestantiżmu u l-Anglikaniżmu, flimkien ma’ delegate wieħed mill-Knisja Ortodossa, kienu ltaqgħu fl-Iskozja sabiex jirriflettu flimkien dwar il-ħtieġa tal-għaqda biex jitwassal il-vanġelu ta’ Kristu.

Dis-sena se jitfakkar il-mitt anniversarju minn dik il-Konferenza, anniversarju li kien fiċ-ċentru tal-attenzjoni tal-Ġimgħa ta’ talb għall-għaqda bejn l-insara. Il-laqgħa ta’ Edinbera, preżentata fi stqarrija mill-Kunsill Dinji tal-Knejjes, se jkollha l-għan li “toffri perspettivi ġodda għall-missjoni tas-seklu 21”. Madwar 250 mexxej minn madwar id-dinja kollha se jkunu qed jieħdu sehem fil-Konferenza Ċentinarja. Mistiedna se jkunu jinkludu delegati mill-knejjes Protestanti, Kattoliċi, Ortodossi, Evanġeliċi, kif ukoll delegate mill-knejjes Pentekostjani.

Il-Ħadd 6 ta’ Ġunju, il-250 delegat se jkunu akkumpanjati minn madwar 800 mistieden lokali u internazzjonali f’ċelebrazzjoni reliġjuża fil-bini storiku tal-konferenza f’Edinbera.