• ***

    Direttur:          José Padilha

    Atturi:              Rosamund Pike, Daniel Brùhl, Eddie Marsan, Ben Schnetzer, Lior Ashkenazi, Denis Mènochet, Mark Ivanir, Peter Sullivan, Andrea Deck u Nonso Anozie 

    Ħin tal-Film:    107 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      12

    Fis-27 ta’ Ġunju tal-1976, żewġ hijackers, affiljati mal-Front Popolari Għall-Liberazzjoni tal-Palestina, u Wilfred Bòse u Brigette Kuhimann, żewġ Ġermaniżi li kienu jissimpatizzaw mal-kawża Palestinjana, jaħtfu ajruplan tal-Ajru Franċiż, b’248 passiġġier. It-titjira kienet skedata minn Pariġi għal Tel Aviv permezz ta’ Ateni. F’nofs it-titjira, dawn l-erba’ terroristi jġiegħlu lill-Kaptan jibdel ir-rotta lejn Entebbe, ġewwa l-Uganda. Meta jaslu ġewwa terminal abbandunat, jifirdu l-passiġġieri; dawk li kienu Lhud, u li l-passaport kien juri dan,jdaħħluhom għalihom f’kamra żgħira. Fost it-talbiet tagħhom għall-ħelsien tal-passiġġieri, it-terroristi li jsibu l-għajnuna minn oħrajn li kienu ġa jinsabu fil-pajjiż, jitolbu mingħand il-gvern Iżraelita, is-somma ta’ $5 miljun u l-ħelsien mill-ħabs ta’ ħamsin militant Palestinjan, ħafna minnhom miżmuna ġewwa l-Iżrael.

    Sadanittant ġewwa Ġerusalemm, il-Prim Ministru Yitzhak Rabin jirċievi l-aħbar tal-ħtif tal-ajruplan hekk kif il-pajjiż kien qiegħed jiddiskuti kemm kien qiegħed jiswa’ lill-pajjiż il-baġit militari. Rabin f’din il-laqgħa tal-kabinett maqbuda f’tensjoni,  jibgħat lill-kulħadd ‘l barra, u hu u l-Ministru tad-Difiża, Shimon Peres jiddibattu flimkien x’kien l-aħjar li jsir f’din il-qagħda prekarja. Peres jinsisti ma’ Rabin li m’għandux jinnegozja mal-hijackers. Ma kinitx il-politika ta’ l-Iżrael li jidhol f’negozjati ma’ terroristi. Peres minflok jissuġġerixxi soluzzjoni militari sigrieta biex jinħelsu l-ostaġġi. Żgur li ma kinitx soluzzjoni faċli meta wieħed iqis id-distanza bejn l-Istat ta’ Iżrael u l-Uganda taħt id-dittatur Idi Amin, li min-naħa tiegħu ipperswada lit-terroristi li jeħilsu lin-nisa u lit-tfal.

    Rabin ukoll kien taħt pressjoni kbira minn membri tal-familji tal-ostaġġi barra wkoll li kien hemm il-biża’ li jista’ jkun hemm tmiem imdemmi jekk dak li qegħdin jitolbu t-terroristi ma jingħatalhomx. Rabin, għalhekk, jawtorizza l-missjoni kuraġġuża ta’ salvataġġ li kienet titlob tħejjija bi pjan qalbieni u perikoluż li kien jitlob eżattezza b’element ta’ sorpriża u koperazzjoni ma’ pajjizi ġirien. Il-missjoni ġiet mlaqqma “Operation Thunderbolt” u l-mexxej tagħha kien Yonatan Netanyahu, ħu Benjamin Netanyahu, il Prim Ministru attwali. Ir-riżultat ta’ din il-missjoni, illum il-ġurnata magħruf minn kulħadd.

    Film Amerikan, dramm msejjes fuq ġrajja vera, taħt id-direzzjoni ta’ Jose’ Padhila u kitba ta’ Gregory Burke. Minħabba li l-film għandu xi ftit vjolenza fiżika u attakk vjolenti bl-armi li fih jmutu n-nies, kif ukoll xi lingwaġġ goff, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.