Nhar il-Ġimgħa l-1 ta’ Marzu 2013, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. ser jiċċelebra Quddiesa li fiha erba’ seminaristi ser jitolbu lill-Knisja biex tilqagħhom uffiċjalment bħala kandidati għall-Ordni tad-Djaknonat u tal-Presbiterat. Din iċ-ċelebrazzjoni ser issir fil-Knisja Arċipretali ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi, fis-6.30 p.m.

L-erba’ seminaristi, li bħalissa jinsabu fil-ħames sena tal-formazzjoni, huma Carlo Calleja mill-Parroċċa ta’ Stella Maris, tas-Sliema, Christopher Ellul mill-Parroċċa ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid, Andrew Schembri mill-Parroċċa ta’ San Ġorġ Martri, Ħal Qormi u Mark Joseph Zammit mill-Parroċċa ta’ Marija Annunzjata, Ħal Tarxien.

Dakinhar, dawn l-erba’ seminaristi ser jistqarru pubblikament li ser joffru lilhom infushom lill-Knisja biex aktar ’il quddiem ikunu jistgħu jservu fis-Saċerdozju Ministerjali permezz tas-Sagrament tal-Ordni Sagri. L-Arċisqof, f’isem il-Knisja, ser ikun qed jilqa’ bil-ferħ l-offerta tagħhom u ser ikun qed jitlob lil dawn il-kandidati biex matul is-sentejn li ġejjin ikomplu jħejju lilhom infushom bi preparazzjoni għall-Ordni Sagri.

Il-komunità nisranija hi mitluba żżomm f’talbha lil dawn l-erba’ kandidati.