L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Hu tassew rakkont sabiħ dan tal-mifluġ li kien merfugħ minn erbgħa min-nies biex jeħduh sa quddiem Ġesù. Niżżluh minn toqba fis-saqaf biex Ġesù jfejqu. Ħa nħarsu ftit lejn dan ir-rakkont u naraw dawk li ħadu sehem attiv f’din il-ġrajja u dak li jgħallmuna.

L-ewwel nett, dawn l-erbgħa min-nies kellhom biċċa xogħol. Kellhom iġorru lill-mifluġ fuq il-friex u jeħduh sa quddiem Ġesù. Kellhom biċċa xogħol ikbar meta sabu li ma setgħux jaslu quddiem Ġesù, u għalhekk raw kif għamlu biex iniżżluh minn toqba fis-saqaf. Kienu nies ta’ qalb kbira: għamlu att ta’ karità ma’ dan il-mifluġ. Kienu nies ta’ fidi kbira: hawnhekk l-Evanġelju jgħid li Ġesù “ra l-fidi tagħhom”. Lanqas isemmilek il-fidi tal-mifluġ, imma l-fidi tagħhom, ta’ dawn l-erbgħa li kienu qed iġorruh. U kellhom fidi li twassal għall-azzjoni, fidi msieħba mad-determinazzjoni biex jagħmlu dak li għandhom jagħmlu. Għalhekk, għelbu kull ostaklu biex jaslu sa ħdejn Ġesù. Ma qalux, meta waslu hemm u raw in-nies: “‘Bad luck’, x’tagħmel? Nerġgħu lura, inutli!” Imma raw kif għamlu biex iwasslu lil dan il-miflluġ sa ħdejn Ġesù. Nies ta’ fidi kbira u ta’ determinazzjoni kbira.

Għandna nfittxu l-għajnuna fejn meħtieġ, u naċċettawha, bħalma għamel dan il-mifluġ. U nħarsu lejn Ġesù li jfejjaq, li lilna jeħlisna minn dnubietna, għax hu jagħraf l-ewwel bżonn tagħna; u jagħtina wkoll dak kollu li għandna bżonn f’ħajjitna

Ħa nħarsu lejn dan il-mifluġ. Dan kien bniedem dipendenti fuq l-oħrajn, waħdu ma kienx jirnexxilu jasal sa ħdejn Ġesù. Kellu bżonn l-għajnuna. X’għamel? Fittex l-għajnuna, u aċċetta l-għajnuna. Aċċetta li dawn l-erbgħa min-nies jeħduh sa ħdejn Ġesù. Kellu wkoll dik il-ħerqa kbira li jfiq. Fil-fatt, naraw li meta fejqu Ġesù, qabad friexu malajr, u telaq ’il barra quddiem kulħadd. Telaq jiġri b’dil-ħajja ġdida li tah Ġesù.

Ħa nħarsu lejn Ġesù, li hu ta’ qalb kbira, kollu mħabba lejn kull persuna. Hawnhekk kien qed jgħallem, iwassal il-kelma, u kellu din l-interruzzjoni meta niżżlu lil dan mis-saqaf. Innutaw lil Ġesù. Dan l-Evanġelju juri kif Ġesù jara l-qalb, jagħraf in-naħa ta’ ġewwa tal-persuna. Fil-fatt, meta ra lil dan il-bniedem mifluġ, ra l-bżonn li lil dan jinħafrulu d-dnubiet tiegħu. Dik kienet il-prijorità. Mhux għax kellu d-dnub minħabba li kien mifluġ, imma ra li dak kien l-ewwel bżonn tiegħu, għax għaraf il-bniedem minn ġewwa. Qallu “dnubietek maħfura”, ra l-ewwel bżonn ta’ dan il-bniedem mifluġ. U meta xi wħud mill-kittieba bdew jgħidu bejnhom u bejn ruħhom “Min jista’ jaħfer id-dnubiet ħlief Alla biss?”, Ġesù għaraf x’kienu qed jaħsbu huma, x’kienu qed jgħidu bejnhom u bejn ruħhom. Għax Ġesù jagħraf dak li hemm ġewwa, mhux biss tal-mifluġ imma anke tal-kittieba. Qalu ħaġa tajba, fil-fatt, meta qalu li Alla biss jista’ jaħfer id-dnubiet, għax Ġesù kien Alla. Imma Ġesù mbagħad, wara li ħafirlu dnubietu, fejqu lil dan il-mifluġ, għax Ġesù jimpurtah mill-ġid tal-bniedem. Għalih kull bniedem hu importanti, u jinteressah il-ġid tal-bniedem sħiħ.

Nitgħallmu minn din il-ġrajja, kemm hu importanti li aħna jkollna dik il-fidi, bħalma kellhom dawn l-erbgħa min-nies, fidi msieħba ma’ determinazzjoni biex nagħmlu s-sewwa, biex nagħmlu l-ġid. Għandna nfittxu l-għajnuna fejn meħtieġ, u naċċettawha, bħalma għamel dan il-mifluġ. U nħarsu lejn Ġesù li jfejjaq, li lilna jeħlisna minn dnubietna, għax hu jagħraf l-ewwel bżonn tagħna; u jagħtina wkoll dak kollu li għandna bżonn f’ħajjitna.

Nitolbu lill-Mulej biex ifejjaqna, biex jaħfrilna ħtijietna, u jagħtina l-ġid li għandna bżonn biex ngħixu dejjem fl-imħabba u fil-paċi tiegħu. 

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju