L-Arċisqof Pawlu Cremona OP ppresieda l-Assemblea Djoċesana tal-Knisja f’Malta li tlaqqet nhar il-Ġimgħa 23 u s-Sibt 24 ta’ Settembru, fiċ-Ċentru Animazzjoni u Komunikazzjoni (CAK), B’Kara.

Din hi laqgħa annwali li tiġbor flimkien mal-Arċisqof il-mexxejja tal-oqsma kollha tal-Knisja f’Malta – il-membri tal-kunsill presbiterali u tal-kunsill pastorali djoċesan, id-delegati tal-Arċisqof fis-Segretarjati u Kummissjonijiet Djoċesani, il-provinċjali tal-kongregazzjonijiet reliġjużi, il-kappillani, il-kapijiet tal-iskejjel tal-Knisja, il-mexxejja tal-għaqdiet u l-movimenti tal-Knisja, u diversi persuni oħra li jagħtu sehemhom fil-ħajja tal-Knisja.

Matul l-Assemblea Djoċesana ta’ din is-sena saret evalwazzjoni tat-twettiq tal-Pjan Pastorali 2009-2011 filwaqt li permezz tad-diskussjoni tkompliet it-tħejjija għall-Pjan Pastorali tal-Arċidjoċesi għat-tliet snin li ġejjin, 2012-2014.  It-tema ta’ dan il-Pjan, li jrid jitħejja sa tmiem din is-sena, hija: “Teżor f’ġarar tal-fuħħar”. Din hi bbażata fuq is-silta mill-Ittra San Pawl f’2 Kor 4,7: “Dan it-teżor qiegħed għandna f’ġarar tal-fuħħar, ħalli b’hekk jidher sewwa li l-kobor ta’ din il-qawwa ġej minn Alla, u mhux minna.”

Is-suġġett tal-ewwel jum tal-Assemblea kien: “Soċjeta’ li qed tinbidel…Knisja li trid tagħraf is-sinjali taż-żminijiet”. Il-moderatriċi tal-Assemblea għal dan il-jum kienet Nathalie Heywood. Sar diskors mill-Arċisqof u kontributi minn żewġ kelliema, Mario Vassallo u Dr Marvin Formosa, li t-tnejn huma lecturers fl-Universita’ ta’ Malta.

Fit-tieni jum, l-Assemblea kkonċentrat fuq “Il-katekeżi tat-tfal għall-ħajja”, bi tħejjija għal riflessjoni vasta fil-Knisja f’Malta li se ssir matul l-2012, bħala parti mill-Pjan Pastorali, biex il-Knisja tista’ tasal għal ċerti deċiżjonijiet fejn tidħol il-katekeżi tat-tfal. Il-moderatriċi għal dan il-jum kienet Roseanne Cuschieri. Saret preżentazzjoni mill-Arċisqof u diskors minn Fr Rene’ Camilleri, id-delegat tal-Arċisqof għas-Segretarjat Katekeżi.

L-Arċisqof Pawlu Cremona ddeskriva l-Assemblea Djoċesana 2011 bħala esperjenza ta’ tiġdid għall-Knisja f’Malta li ser tgħin lill-Knisja biex twieġeb b’kuraġġ u b’serenita’ għall-isfidi taż-żminijiet tal-lum u tfassal Pjan Pastorali li jagħti l-viżjoni u d-direzzjoni għat-tliet snin li ġejjin.

L-Assemblea Djoċesana hi appuntament annwali tal-Knisja f’Malta li kienet introdotta bħala frott tas-Sinodu Djoċesan (1999-2003), bl-iskop li tkompli tibni fuq l-esperjenza tas-Sinodu u sservi bħala laqgħa ta’ evalwazzjoni u ta’ ippjanar. Rapport ta’ dak li sar minn kull proġett tal-Pjan Pastorali tat-tliet snin li għaddew intbagħat lill-membri tal-Assemblea biex ikun ta’ għajnuna f’din l-evalwazzjoni.

Wara l-Assemblea Djoċesana, matul Ottubru u Novembru, kull parroċċa f’Malta torganizza Assemblea, bl-iskop li tagħmel fuq livell parrokkjali dak li jkun sar fuq livell djoċesan. Kull parroċċa f’Malta qed tħejji wkoll Pjan Parrokkjali għat-tliet snin 2012-2014, li jkollu l-istess tema u punti prinċipali tal-Pjan tal-Arċidjoċesi, imma adattat għar-realta’ tal-komunita’ parrokkjali.

Agħfas hawn biex tniżżel ir-Rapport tat-twettiq tal-Pjan Pastorali 2009-2011.

Agħfas hawn biex tisma l-messaġġ tal-Arċisqof Pawlu Cremona matul it-tieni sessjoni tal-Assemblea Djoċesana.

Agħfas hawn biex tisma l-preżentazzjoni ta’ Fr Renè Camilleri dwar il-katekeżi, matul it-tieni sessjoni tal-Assemblea Djoċesana.

Agħfas fuq ir-ritratti biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinkisbu mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]