• *****

    Direttur: Thomas Vinterberg

    Atturi: Carey Mulligan, Matthias Schoenaerts, Michael Sheen, Jessica Barden

    Ħin: 118 minuti

    Klassifika taċ-Ċensura: 12A

    Klassifika tal-Knisja: 12A

    Bathsheba Everdene hija xebba fuq tagħha u determinata li żżomm l-indipendenza tagħha fid-dinja patriarkali ta’ l-Ingilterra fi żmien ir-Reġina Vittoria. Hija tiret estejt, medda kbira ta’ raba’ mitluqha, li trid akkost ta’ kollox terġa’ tagħtijha l-ħajja. Gabriel Oak, ragħaj sempliċi, jieħu grazzja magħha u jitlobha biex tiżżewġu, iżda hija tirrifjutah u tgħidlu li ma tridx raġel, u anke kieku riedet tiżżewweġ riedet raġel li kapaċi jimmansha. Wara xi żmien Gabriel jitlef in-nagħaġ kollha li kellu meta l-kelb tiegħu mexxihom lejn irdum minn fejn qabżu għal isfel. Mbagħad Gabriel jidħol jaħdem ma’ Bathsheba, iżda issa għandu kompetitur għall-imħabba tagħha, mill-ġar tagħha, is-sinjur u serju William Boldwood, li wkoll jitlobha tiżżewġu imma hija tirrifjutah ukoll. Issa jkun imiss lis-surġent żgħażugħ Frank Troy li jittanta xortih magħha, suldat fuq tiegħu li għandu ħila kbira bix-xabla. Frank jimmansha u taċċetta li tiżżewġu, iżda mhix ferħana għax Frank jagħtija għax-xorb u jħarbtilha flusha u jippretendi li jikkmanda lil kullħadd.

    Il-film hu verżjoni oħra tar-raba’ rumanz ta’ Thomas Hardy li kien iħobb wisq jikteb dwar il-kampanja ingliża u n-nies sempliċi li jgħixu fiha. F’dan ir-rumanz il-protagonista hija żgħażugħa li ma taqtax qalbha, fi żmien ir-reġina Vittoria, u li tiret propjeta’ kbira ta’ raba’ fil-West Country, u li jinnamraw magħha tlieta minn-nies, li llkoll għandhom it-tajjeb u l-ħażin tagħhom. Carey Mulligan taqla’ tajjeb ħafna il-karattru ta’ Bathsheba filwaqt li l-atturi l-oħra wkoll jaħmu parti tajba ferm. Fih xeni ta’ vjolenza. Tfal sa 12 il-sena għandhom ikunu akkumpanjati mill-ġenituri.