“Għal darboħra l-poplu Malti u Għawdxi reġa’ wera s-solidarjetà tiegħu mad-Dar tal-Providenza bis-somma ta’ €1,445,665 għall-Festa ta’ Ġenerożità. Il-fondi miġbura se jgħinu lid-Dar tkompli tipprovdi servizzi residenzjali ta’ kwalità lil 115-il persuna b’diżabilità li jgħixu fid-djar tagħha. Barra minn dan, id-Dar se tkun ittejjeb l-ambjent li fih jgħixu r-residenti f’Villa Papa Giovanni fis-Siġġiewi fejn se jkun qed isir xogħol ta’ rinovar estensiv.  Dan qalu Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, fl-għeluq ta’ maratona televiżiva ta’ tnax-il siegħa. Huwa żied jgħid li jalla li s-solidarjetà li ntweriet fl-ewwel tas-sena mad-Dar tal-Providenza tibqa’ tintwera matul is-sena kollha ma’ dawk fis-soċjetà Maltija li jeħtieġu l-appoġġ.

Wara waqfa ta’ sentejn minħabba l-pandemija COVID-19, il-Festa ta’ Ġenerożità xxandret minn taħt it-tinda mtellgħa apposta fil-parkeġġ tad-Dar fis-Siġġiewi. Il-maratona televiżiva bdiet b’quddiesa ċċelebrata minn Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna fil-kappella tad-Dar u ntemmet f’nofsillejl. Fil-bidu tal-quddiesa li għaliha attendew il-President ta’ Malta, Dott. George Vella u s-Sinjura Vella, saret il-prietka tradizzjonali tal-Milied minn tifel u tifla.

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof qal li fil-bidu ta’ sena ġdida nitolbu lill-Mulej iberikna, jħarisna u jagħtina l-paċi. Il-paċi li ma tistax tinxtara online jew mill-ħwienet. Għandna napprezzaw u ngħożżu dak kollu li huwa tajjeb fil-familji tagħna, fl-NGOs li għandna u fil-poplu tagħna. Għandna ngħożżu wkoll il-ħajja mill-bidu tagħha kif tiġi għax biex ikollok dritt tgħix mhux bilfors li tkun perfett biex tkun prezzjuż.

Reġa’ sar l-irkant online ta’ diversi xogħlijiet tal-arti ġentilment mogħtija minn għadd ta’ artisti Maltin u barranin. Id-dħul mill-bejgħ ta’ dawn ix-xogħlijiet laħaq ‘l fuq minn €29,000.

Bħal kull sena, għadd sabiħ ta’ parroċċi f’Malta u Għawdex organizzaw ġabriet speċjali waqt il-quddies tal-ewwel tas-sena li mbagħad ingħataw lid-Dar f’isem il-komunità parrokkjali.

Mistednin taħt it-tinda kien hemm il-President ta’ Malta, Dott. George Vella u s-Sinjura Vella, Mons. Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea-Curmi, l-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca, il-Kap tal-Oppożizzjoni Dott. Bernard Grech u s-Sinjura Grech. Il-Ministru tal-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali,  Dott. Owen Bonnici, li kien qed jirrappreżenta lill-Prim Ministru Dott. Robert Abela, għamel għotja ta’ €25,000 mill-Fond għall-Kawżi Ġusti.

Attendew ukoll għadd ta’ ministri u membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati kif ukoll delegati tal-partit politiċi ewlenin, personalitajiet distinti u rappreżentanti ta’ korpi kostitwiti li qattgħu ħin iwieġbu t-telefonati tal-pubbliku.