Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, jaħsadna dan l-Evanġelju li smajna llum. U ngħidu: dan l-istess Ġesù li nafu? Hawnhekk, meta din il-mara tersaq lejh, għall-bidu jinjoraha. Imbagħad, meta d-dixxipli jgħidulu biex jeħles minnha, ma jagħtix kashom. Imbagħad meta terġa’ tkellmu hi, kważi kważi jqabbilha mal-ġriewi, mal-klieb. Għalhekk dan l-Evanġelju jaħsadna! Ngħidu: dan hu l-istess Ġesù li nafu li kien ifejjaq il-morda, li kien jagħder lill-midinbin, li dejjem ifittex li jagħmel il-ġid lil kulħadd? Dan kif iġib ruħu qisu b’mod insensittiv ma’ din il-mara?

Nifhmu lil Ġesù meta naraw ir-rakkont sħiħ, u meta nifhmu l-messaġġ li hu ried iwassal lid-dixxipli tiegħu, speċjalment b’dak li għamel. F’dak iż-żmien, il-mentalità ta’ ħafna kienet li jifirdu n-nies f’żewġ blokki: il-Lhud, u l-bqija; dawn li jemmnu f’Alla veru, u l-oħrajn pagani, bħal din il-mara Kangħanija, li ma jemmnux f’Alla veru.  Ħafna nies kienu jaħsbu u jemmnu li Alla jsalva lil-Lhud; il-bqija ma jsalvahomx.

Allura nifhmu kif Ġesù, fil-bidu ta’ dan ir-rakkont, il-mod kif iġib ruħu hu bħalma kienu jġibu ruħhom in-nies l-oħrajn madwaru. Ġesù jagħmilha din, kif ninnutaw minn dan l-Evanġelju, għax aktar ma qisu jinjora lill-mara, aktar din tkomplu titolbu, aktar hija persistenti fit-talb tagħha. Il-mara setgħet tara f’Ġesù l-ispirtu li għall-bidu ma jidhirx. Setgħet taqra f’wiċċu l-‘iva’ għat-talba tagħha, li għall-bidu bil-kliem tiegħu ma qalilhiex.

Alla hu Alla ta’ kulħadd, ġie biex isalva lil kulħadd, mhux lil xi grupp partikulari ta’ nies.

Ġesù b’dal-mod jgħin lid-dixxipli jifhmu l-fidi qawwija ta’ dil-mara, u kif Alla fl-aħħar mill-aħħar jilqa’ lil kulħadd. Ried juri lid-dixxipli li hemm bżonn jegħlbu l-preġudizzji tagħhom, għaliex Alla jisma’ t-talba, u Alla jara l-fidi anke ta’ min mhux wieħed minnhom jew xi ħadd mir-razza tagħhom. Fil-fatt, iktar toħroġ ċara l-fidi tal-mara meta nqabbluha ma’ ftit qabel, l-Evanġelju li smajna hawn ftit ilu, ta’ Pietru li jersaq lejh fuq il-baħar u jiddubita. Ġesù jgħidlu:  “bniedem ta’ fidi żgħira, għaliex iddubitajt?” Ħa nqabblu dan il-kliem ma’ dak li jgħid lil din il-mara Kangħanija, li mhijiex waħda minnhom: “Il-fidi tiegħek hi kbira. Ħa jsirlek kif tixtieq.” Ġesù ried juri b’mod ċar lid-dixxipli, speċjalment meta tqabbel ma’ dak li kien qal lil Pietru, il-fidi qawwija ta’ din il-mara.

X’inhu l-messaġġ għalina llum? Insemmi tliet punti li jgħinuna fil-ħajja tagħna.

L-ewwel nett li Alla hu Alla ta’ kulħadd, ġie biex isalva lil kulħadd, mhux lil xi grupp partikulari ta’ nies. Hekk turi l-kelma ta’ Alla llum f’Iżaija kif ukoll l-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani: Alla jrid jilqa’ lil kulħadd, u jridna negħlbu l-preġudizzji li kultant ċerti nies naqtgħuhom ’il barra għax huma ta’ razza oħra jew ta’ tip ieħor minna. Alla hu Alla ta’ kulħadd, u din il-ġrajja turi b’mod ċar li Alla ġie għal kulħadd.

It-tieni, Alla li jrid minna hi l-fidi qawwija bħalma kellha din il-mara Kangħanija. Ikollna mumenti ta’ prova fil-fidi tagħna, speċjalment meta jkun hemm skiet min-naħa ta’ Alla, qisu kif kienet l-esperjenza ta’ din il-mara li meta titkellem hi, Ġesù qisu jinjoraha, qisu ma jridx jaf biha, qisu hemm ħajt li jifridhom, skiet min-naħa tiegħu. Kultant din hi l-esperjenza tagħna wkoll fit-talb tagħna. Imma Alla jrid li aħna nkomplu nemmnu anke f’dawn il-mumenti ta’ dlam, anke f’dawn il-mumenti diffiċli tal-ħajja tagħna. Inkomplu nemmnu fih. Veru jkun sieket, imma qiegħed hemm u jimpurtah u jagħtina dak li hu tassew ta’ ġid għalina.

Alla jrid li aħna nkomplu nemmnu anke f’dawn il-mumenti ta’ dlam, anke f’dawn il-mumenti diffiċli tal-ħajja tagħna. Inkomplu nemmnu fih. Veru jkun sieket, imma qiegħed hemm u jimpurtah u jagħtina dak li hu tassew ta’ ġid għalina.

Naraw ukoll f’din il-ġrajja li l-fidi tissieħeb ma’ rieda soda biex nagħmlu dak li hu sewwa. Il-fidi ma tfissirx li aħna noqogħdu ma nagħmlu xejn, qisna nistennew il-bajtra taqa’ f’ħalqna. Tfisser li għandna nagħmlu ħilitna b’mod persistenti, nirsistu biex nagħmlu dak li hu sewwa. Araw din il-mara. Kellha fidi qawwija, imma kellha rieda soda, tant hu hekk li baqgħet tirsisti għal dak li hu sewwa biex Ġesù jfejjaq lil bintha. Aħna wkoll fil-ħajja tagħna, il-fidi ma tfissirx li aħna ma nagħmlu xejn min-naħa tagħna, anzi l-fidi trid tissieħeb ma’ din ir-rieda soda biex nagħmlu dak li hu sewwa, biex nafu dak li nagħrfu bħala tajjeb, għaliex huma flimkien, il-fidi u r-rieda soda, li huma meħtieġa fil-ħajja tagħna.

Illum, imdawlin minn din il-kelma ta’ Alla, nitolbu lill-Mulej biex isaħħaħ fina l-fidi, speċjalment fil-mumenti ibsin u ta’ dlam fil-ħajja, u biex il-fidi tkun dejjem magħquda ma’ rieda qawwija li nagħmlu dak li hu sewwa, li nagħmlu dak li Alla jurina li hemm bżonn nagħmlu f’ħajjitna u nagħmluh b’determinazzjoni kbira.