L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

F’diversi ġrajjiet fl-Evanġelju tolqotna kif Marija hi dejjem fis-skiet u fil-kwiet. Meta dehrilha l-anġlu Gabrijel, u hi aċċettat li ssir omm Alla, hemm ċerta serenità li toħroġ mir-rakkont; anke meta naraw lil Marija taħt is-salib. L-Evanġelju jgħid li hi kienet “tgħożż f’qalbha” dak li qed tgħix. Hemm ċertu kwiet, skiet.

Lil Marija nsibuha differenti fir-rakkont tal-lum fejn narawha mgħaġġla. L-Evanġelju jgħid “marret tħaffef lejn l-għoljiet”, biex tasal għand Eliżabetta, il-qariba tagħha. U meta jiltaqgħu flimkien, hemm ħafna għajat, għajat ta’ ferħ. Eliżabetta “infexxet f’għajta kbira”, u Marija kompliet magħha bl-innu tal-Magnificat.

Għaliex Marija marret “tħaffef” lejn Eliżabetta? Meta hi rċeviet l-aħbar mill-anġlu Gabrijel u aċċettat li tkun omm Alla, hemmhekk Marija titlaq mill-ewwel għal għand Eliżabetta. L-anġlu kien qalilha li Eliżabetta wkoll kienet qed tistenna tarbija, u kien fis-sitt xahar tat-tqala. U tmur għand Eliżabetta biex taqsam il-ferħ tagħha magħha, ma’ Eliżabetta, u biex tkun għaliha ta’ appoġġ u ta’ sapport. Proprju f’din il-ġrajja għandna dak li turina l-esperjenza tal-ħajja: li meta inti taqsam il-ferħ ma’ ħaddieħor, il-ferħ jirdoppja; bħalma meta inti taqsam in-niket ma ħaddieħor, in-niket jittaffa.

Hawn għandna tnejn min-nies li jiltaqgħu flimkien – Marija u Eliżabetta – li mhux biss jifirħu b’xulxin, imma jifirħu wkoll bit-tarbija fil-ġuf: it-tarbija li għandha Eliżabetta – Ġwanni l-Battista – u t-tarbija li għandha Marija – Ġesù. Għalhekk, qed jifirħu b’din il-ħajja ġdida, għaliex it-tnejn li huma jifirħu bit-tarbija fil-ġuf għax jafu li hemmhekk m’għandhomx xi ħaġa imma xi ħadd. Lesti biex jilqgħu din il-ħajja ġdida.

Meta inti taqsam il-ferħ ma’ ħaddieħor, il-ferħ jirdoppja; bħalma meta inti taqsam in-niket ma ħaddieħor, in-niket jittaffa.

X’nitgħallmu minn din il-ġrajja għal ħajjitna? L-ewwel nett, kemm hu sabiħ li aħna, bħalma għamlet Marija, naqsmu l-ferħ tagħna ma’ ħaddieħor, u anke nkunu ta’ appoġġ u ta’ sapport għall-oħrajn! Nafu li fl-esperjenza tal-pandemija nqalgħu diversi diffikultajiet, anke biex inkunu viċin tal-oħrajn. Kellna nippruvaw naraw il-mezzi kif nikkuntattjaw lill-oħrajn. Imma din l-esperjenza wrietna kemm hu sabiħ li aħna nkunu viċin tal-oħrajn, biex naqsmu l-ferħ mal-oħrajn, biex naqsmu wkoll l-esperjenzi mal-oħrajn, u nkunu ta’ sapport u appoġġ. Speċjalment dil-ġrajja turina kemm hu importanti li dawk li qed jistennew tarbija – bħalma kienu dawn it-tnejn, Marija u Eliżabetta – ikollhom l-appoġġ u l-għajnuna meħtieġa. L-aktar meta dawn ikollhom diffikultà, jew jinqalgħu problemi, jew l-istess esperjenza hi għalihom diffiċli – li jfittxu l-għajnuna u li jsibu l-għajnuna li jeħtieġu.

Niftakru wkoll f’dawk li jixtiequ li jkollhom tarbija imma mhux possibbli, minħabba diversi ċirkustanzi. Niftakru fihom ukoll illum, u nitolbu għalihom. Nitolbu wkoll biex din il-ġrajja tispirana ħalli aħna dejjem ngħożżu l-ħajja. Din is-silta turina li t-tarbija fil-ġuf titlob minna rispett u għożża, bħalma wrew Marija u Eliżabetta. Min qed jara l-ġrajja minn barra, jgħid: qed nara tnejn min-nies, u fil-fatt hemm erbgħa. Qed nara lil Marija u Eliżabetta, imma fil-fatt hemm ukoll Ġesù u Ġwanni l-Battista. Dawn it-tnejn li qed nara qed jifirħu b’dawk li m’iniex qed nara, b’dawk li qegħdin jistennew. Nitolbu biex aħna dejjem ngħożżu l-ħajja kif tgħallimna wkoll din il-festa sabiħa taż-Żjara ta’ Marija lil Eliżabetta.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju