Ħarsa lura lejn l-2009, hu ferm diffiċli wieħed jimmaġina sena iktar impenjattiva għall-Papa Benedittu XVI, ta’ 82 sena. Is-sena ta’ San Pawl; is-Sena ddedikata lis-Saċerdoti; is-sena li fiha ħareġ bl-enċiklika soċjali tiegħu; is-sena li rat vjaġġ ferm importanti lejn l-Art Imqaddsa; sena li rat l-ewwel laqgħa tal-Papa mal-President Amerikan Barack Obama; sena li rat għaxar qaddisin ġodda; vjaġġ lejn l-Afrika; Sinodu Afrikan; il-Knisja fuq FACEBOOK; konċessjoni kontroversjali mogħtija lit-tradizzjonalisti kattoliċi; sena li matulha sar ukoll pass biex Anglikani jiġu integrati fi ħdan il-Knisja Kattolika…

Li tkun Papa huma ministeru vast li jingħex jum b’jum, li pero jkun programmat fit-tul. L-2009 rat lill-Papa Benedittu XVI jiltaqa’ ma’ iktar minn 200 dinjitarju u grupp, kellu taħdidiet ma’ iktar minn 300 isqof u ċċelebra iktar minn ħamsin liturġija ewlenija. Is-sena 2009 ġabet magħha mumenti ta’ sodisfazzjon personali għall-Papa Ġermaniż…ewlenin fosthom il-mument ta’ skiet u talb fuq il-qabar ta’ Kristu f’Ġerusalemm. Mument ieħor kien dak meta l-Papa ngħata merħba qawwija fl-ewwel żjara tiegħu fl-Afrika. Evidenti kien ukoll id-diżappunt tal-Papa fl-2009 fejn pereżempju huwa ħass li kien misinterpretat minn għadd ta’ nsara u mezzi tal-istampa fi stqarrijiet jew deċiżjonijiet diffiċli li ttieħdu mill-Knisja mmexxija minnu.