L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

San Benedittu, twieled f’Norcia, l-Italja, għall-ħabta tas-sena 480. Hu wieħed mill-patruni tal-Ewropa. Kellu influwenza kbira fuq l-iżvilupp taċ-ċiviltà u l-kultura Ewropea. Imma jekk naraw ftit il-kuntest li fih twieled – qed ngħidu bejn il-ħames u s-sitt seklu – id-dinja kienet ta’ taħt fuq minħabba l-kriżi tal-valuri u tal-istituzzjonijiet, ikkawżata mill-waqgħa tal-Imperu Ruman, mill-invażjoni tal-popli, kif ukoll mit-tmermir tad-drawwiet. Dan kien il-kuntest li fih twieled San Benedittu.

Hu kien ġej minn familja sinjura u joqgħod fl-Italja ċentrali. Meta rċieva l-edukazzjoni klassika dak iż-żmien, din setgħet għenitu biex jimxi ħafna ’l quddiem fis-soċjetà. Imma meta kien għadu żagħżugħ, għażel minflok li jmur jgħix ta’ eremita, waħdu, f’ħajja ta’ talb u sawm, f’Subiaco. Din kienet għalih esperjenza ta’ maturazzjoni kbira. Il-Papa Emeritu Benedittu XVI, meta jitkellem fuq San Benedittu, jgħid li din l-esperjenza għenitu biex jegħleb tliet tentazzjonijiet li huma tant komuni fostna: it-tentazzjoni li jqiegħed lilu nnifsu fiċ-ċentru, it-tentazzjoni li jħalli s-sensi tiegħu jikkmandawh, u t-tentazzjoni li jċedi għall-korla u l-vendetta. Għalhekk din l-esperjenza għamlitu dejjem aktar dixxiplu tajjeb ta’ Ġesù proprju billi jimmatura anke f’dawn.

Hu waqqaf il-monasteru tiegħu fil-wied tal-Anio, qrib Subiaco. Fis-sena 529, mar Montecassino. Minn hemm ’il quddiem ħadet xejra oħra dil-ħajja monastika ta’ San Benedittu. Hu baqa’ magħruf ħafna għar-Regola tiegħu – ktieb ta’ għerf kbir, u kontribut kbir għall-Knisja u għaċ-ċiviltà tal-Punent. F’din ir-Regola hu għaqqad flimkien il-ħeġġa għall-ħajja monastika – xi ħaġa antika fil-Knisja – imma wkoll il-bilanċ ta’ ħajja umana. Għalhekk, flimkien, viżjoni tassew Nisranija ta’ kif tgħix il-ħajja, li tat kontribut kbir lill-kultura Ewropea. Fil-fatt, hemm dawk iż-żewġ pilastri li dejjem ngħaqqduhom, bir-raġun, ma’ dir-Regola ta’ San Benedittu: ‘Ora et labora’ (Itlob u aħdem) – it-talb u x-xogħol flimkien.

Ir-Regola ta’ San Benedittu ssejjaħ il-monasteru “skola għas-servizz ta’ Kristu”. Bi “skola”, Benedittu fehem it-taħriġ – ir-Regola tgħinek biex inti titħarreġ bħala dixxiplu ta’ Kristu. Kien jinsisti ħafna li l-monaċi fil-monasteru jkollhom ħajja soda ta’ talb, għax dak hu l-iktar importanti, hemm hi l-għajn. Flimkien mat-talb, l-istudju u x-xogħol. L-istudju għenhom biex huma jkunu nies li jaqraw, u dak iż-żmien ukoll jerġgħu jikkuppjaw il-kotba – ħallew wirt kbir, għax dak iż-żmien mhux bħal-lum tistampa ktieb, imma trid toqgħod tikkupjah bil-mod il-mod u b’dik is-serjetà kbira. Għamlu biċċa xogħol verament tajba.

San Benedittu u l-Benedittini jgħallmuna xi ħaġa essenzjali ħafna għall-ħajja: li biex aħna ngħixu ħajja sabiħa, ħajja utli, ħajja mimlija għandna nżommu ħarsitna l-ewwel fuq il-ħwejjeġ ta’ Alla: fittex lil Alla u ħalli lil Alla jsibek

Il-monasteri ta’ San Benedittu baqgħu magħrufin ukoll mhux biss għat-talb u għall-istudju, imma wkoll għax-xogħol. Fil-fatt, huma kellhom jaħdmu biex isostnu l-monasteri tagħhom. Għalhekk kienu jkabbru l-ikel tagħhom, jibnu l-knejjes u l-postijiet, jaħsbu wkoll għax-xorb. Kellhom dik l-enerġija biex ix-xogħol jiżviluppawh. Għalhekk il-ħidma tagħhom mhux permezz tat-talb u l-Liturġija, imma wkoll fl-iżvilupp tal-agrikoltura, tal-arkitettura, tal-mużika, tal-arti, tal-mediċina u l-kura tal-morda – ara kemm kontribut kbir taw għall-iżvilupp integrali tal-bniedem! Din hi l-viżjoni sabiħa ta’ San Benedittu u kontribut kbir li ta lis-soċjetà fi żmienu, u li taw tul is-snin il-monasteri lil soċjetajiet differenti u lill-Ewropa. Fil-fatt, il-monasteri kienu meqjusin oasi ta’ ċiviltà, postijiet fejn issib tassew ħajja umana ordnata.

San Benedittu u l-Benedittini jgħallmuna xi ħaġa essenzjali ħafna għall-ħajja: li biex aħna ngħixu ħajja sabiħa, ħajja utli, ħajja mimlija għandna nżommu ħarsitna l-ewwel fuq il-ħwejjeġ ta’ Alla: fittex lil Alla u ħalli lil Alla jsibek. Dak kien l-aktar punt importanti. Imbagħad minn hemm jiġu l-affarijiet l-oħra, għax Alla jgħinek tqiegħed l-affarijiet f’posthom. Imma fittex lil Alla l-ewwel. Meta tfittex lil Alla, imbagħad hu jilluminak fuq ir-realtà tal-ħajja tal-bniedem, fuq kif tkun ta’ servizz tassew għall-bniedem u ta’ ġid għas-soċjetà. Dan hu messaġġ importanti. San Benedittu, li hu patrun tal-Ewropa, jagħti lilna llum dan il-messaġġ: fittex lil Alla, qiegħed lilu l-ewwel. Għax inkella tkun qed taqleb l-affarijiet rashom ’l isfel. Ara x’jiġrilna kultant meta aħna, flok infittxu lil Alla, inqiegħdu lilna nfusna minfloku. Pereżempju, li nagħmlu lilna nfusna sidien tal-ħajja: din ħajja li tgħix, u din ħajja li mhix denja li tgħix; din ħajja li tista’ tiżviluppa, u din ħajja li tista’ titwarrab – qed ngħidu għall-ħajja ta’ bniedem. Hemm inkunu qed nagħmlu lilna nfusna flok Alla, u hemm inkunu qegħdin inqaċċtu l-għeruq taċ-ċiviltà tagħna, taċ-ċiviltà wkoll Ewropea.

Nitolbu lill-Mulej, bl-interċessjoni ta’ San Benedittu: għinna biex tkun int dejjem l-ewwel u, bis-saħħa tiegħek, inkunu nistgħu ngħixu ħajja tassew sabiħa, utli, u li tħalli l-frott.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju