L-20 edizzjoni tal-maratona Oħloq Tbissima se tittella’ f’Dar San Ġużepp bejn illum 15 u s-17 ta’ Lulju. Din il-maratona ssir biex jinġabru fondi għal diversi proġetti fil-pajjiżi tal-missjoni. Iżda din is-sena hemm maħsub ukoll proġett f’Malta. Patri Louis Mallia (MSSP) jitkellem ma’ Newsbook.com.mt dwar dawn l-20 sena ta’ Oħloq Tbissima u għal proġetti futuri.

Għoxrin sena ilu kienet ittellgħet l-ewwel maratona ta’ Oħloq Tbissima. Patri Louis kien diġà qed imur fil-missjonijiet fil-Perù, fil-Pakistan u fil-Filippini. Kien ukoll iż-żmien meta beda dieħel fil-media. Iddeċidew li joħolqu xi ħaġa, maratona, biex jgħinu aktar il-missjonijiet tagħhom.

“Tlaqna b’mod mill-iktar sempliċi. Kien għadu kollox differenti. Maratoni wkoll kien hawn ftit. Kienet suċċess. Dakinhar kienet eċitanti. Ħadna gost nagħmluha. L-iktar ħaġa li nibqa’ nġorr minn sena għall-oħra hi li kull sena fiha l-eċitament tagħha. Kull sena nkunu rridu ngħinu iżjed,” jistqarr Patri Louis.

“Mort l-iktar il-Perù. Kont immur mal-lajċi u nagħmlu proġetti differenti. L-iktar ħaġa li rajt tinbidel fil-Perù hi meta nidħlu f’parroċċa ġdida fejn ma jkun hemm xejn. Imbagħad tinbena l-ewwel sala, l-ewwel skola, klinika. Qisu mill-baħħ … minn ġo deżert… tinbidel… issir komunità, Dak li għamilna matul is-snin, ngħinu lill-missjunarji tagħha,” jgħid Patri Louis li jsemmi wkoll kif meta ftit tas-snin ilu kien hemm inflazzjoni kbir fil-Perù. Kien hemm missjunarju li ssuġġerixxa lil Fr Louis biex jibnu forn.

“Konna bgħattnilhom sistema sħiħa biex jagħmlu l-ħobż. Għal snin sħaħ dan ta l-ikel lil ħafna nies,” ikompli jgħid Patri Louis li jsemmi wkoll proġetti ta’ bini ta’ skola tas-snajja’, klinika u bosta proġetti oħra li hu ra jsiru.

“Grat immens li għal 20 sena stajna konna ta’ sostenn għal eluf kbar ta’ nies,” iżid jgħid Patri Louis.

Kull sena jsiru ħafna proġetti. Iżda għal Patri Louis xi jfissru dawn il-proġetti?

“Kull wieħed ifisser il-ferħ, it-tbissima u d-dinjità ta’ ħafna persuni,” jwieġeb Patri Louis li jispjega l-proġetti li jvarjaw minn skejjel, djar u proġetti li jissarrfu f’opportunitajiet biex dawn in-nies ikunu jistgħu joħolmu u jibnu futur sabiħ għalihom.

F’dawn l-aħħar 20 sena żdiedu l-ammonti ta’ maratoni ta’ ġbir ta’ fondi matul is-sena. Jaffettwaw dawn il-maratona lil Oħloq Tbissima?

“Kulħadd għandu tiegħu. Aħna persważi mill-ġid li qed isir,” jgħidilna Patri Louis, li jispjega kif fi żmien il-pandemija mhux talli ma waqfux iżda r-rispons tal-pubbliku kien erba’ darbiet iżjed. Hu jitkellem ukoll dwar il-proġetti kif ukoll li taw ħafna ikel f’żoni differenti fejn kullimkien kien magħluq. Ma naqsux is-servizzi tas-saħħa fil-pajjiżi tal-missjoni.

Din is-sena Fr Louis Mallia għandu f’moħħu li mill-maratona Oħloq Tbissima jkun jista’ jwaqqaf il-proġett Ċentru Tbissima fejn ikun jista’ jinfetaħ ċentru biex ikun ta’ għajnuna ta’ kull tip għat-tfal.

“Il-post qiegħed għandna u hu kbir. Nixtiequ noħolqu hub biex it-tfal Maltin isibu wens u għajnuna ta’ kull tip,” jispjega Fr Louis.

Apparti dan il-proġett hemm dak ta’ klinika fil-Perù. Diġà kienet inbniet waħda żgħira li però mhux tlaħħaq mad-domanda. Fil-Filippini l-ħsieb hu biex ikun hemm djar għal dawk in-nies u familji li qed jgħixu fil-kartun ħalli jingħataw dinjità.

Ir-raba’ proġett ta’ Fr Louis hu l-edukazzjoni fil-Filippini. Se jintlaħaq l-għan tal-maratona Oħloq Tbissima biex jinġabru biżżejjed fondi għal dawn l-erba’ proġetti?

“Is-sabiħ hu li aħna nafdaw f’idejn Alla. Meta ħsibna li se mmorru ħażin, morna tajjeb. L-ambizzjoni tagħna hi li ngħinu kemm nistgħu. Mhux naspiraw li niġbru tant, iżda naspiraw li ngħinu daqskemm Alla jixtieqna li ngħinu,” jikkummenta Patri Louis.

Il-maratona Oħloq Tbissima tibda llum fil-5pm u tibqa’ għaddejja sal-Ħadd 17 ta’ Lulju sa tard filgħaxija. Il-linji tad-donazzjonijiet ikunu miftuħa s-sena kollha.

Patri Louis ifakkar li Oħloq Tbissima hi opportunità sabiħa fejn qed jagħtu d-dinjità, qed jagħtu s-sabiħ tal-ħajja, qed jagħtu l-ħolma lil min forsi tilifha, qed jagħtu s-saħħa lil min marad, qed jagħtu l-ikel ta’ kuljum lil min m’għandux x’jiekol, qed ilibbsu u jagħtu wens u dar lil dawk li m’għandhomx.

“Grazzi li se tkunu magħna f’din il-ħolma sabiħa ta’ mħabba,” itemm jgħid Patri Louis Mallia.

Kif tista’ tagħti donazzjoni

  • Ċempel 5180 2009 għal donazzjoni ta’ €25, 5190 2080 għal donazzjoni ta’ €50
  • BOV MOBILE app fuq in-numru 7920 2035
  • SMS li jiswa €11.65 fuq in-numru 50619285
  • Websites tbissima.mt
  • Ċekk lil CAM fuq l-indirizz Oħloq Tbissima – Dar ta’ San Ġużepp, Triq il-Kbira San Ġużepp, Santa Venera, SVR 1010
  • Iżur Dar San Ġużepp Santa Venera waqt il-maratona mid-9.30am sa 12:00 u mill-5pm sal-10.30pm.

Ara l-intervista sħiħa minn hawn.

Sors: Newsbook.com.mt