Ritratt: Rogério Martins

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u s-Salesjani ta’ Don Bosco ffirmaw ftehim li qed jiggarantixxi s-servizz f’Dar Alberto Mavelli f’Raħal Ġdid u fir-Residenza Carlo Gastini fil-Belt Valletta.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali Michael Falzon attenda għall-iffirmar tal-ftehim bejn il-Ministeru u s-Salesjani ta’ Don Bosco li jinkludi investiment li jkopri tliet snin u jammonta għal €176,000.

Dawn id-djar joffru għajnuna lil żgħażagħ li fil-passat għexu f’residenza tat-tfal jew ambjent alternattiv u issa qed jiġi megħjuna biex jgħixu b’mod indipendenti.

“Dawn il-ftehimiet nidħlu għalihom għaliex verament nemmnu f’soċjetà li fiha kulħadd jista’ jimxi ’l quddiem u jista’ jibdel il-ħolm tiegħu f’realtà,” stqarr Falzon.

Il-Kap Eżekuttiv tas-Salesjani Bryan Magro qal lil Newsbook.com.mt li d-dar f’Raħal Ġdid se takkomoda tliet żgħażagħ filwaqt li d-dar fil-Belt Valletta se tkun qed takkomoda erba’ żgħażagħ.

Fl-2021, l-Ordni Sależjana nawgurat proġett ġdid li fih se jgħixu anzjani u żgħażagħ bi sfidi soċjali flimkien.

Sors: Newsbook.com.mt