Il-funzjonijiet reliġjużi li l-Arċisqof Pawlu Cremona OP se jmexxi fl-okkażjoni tal-Milied jibdew fil-Lejl tal-Milied, meta Mons. Cremona jiċċelebra Quddiesa Stazzjonali Konċelebrata fil-Katidral, l-Imdina. Il-funzjoni tibda fil-11.00 p.m. Il-Quddiesa mill-Arċisqof tkun f’nofs il-lejl.

Nhar il-Milied, Mons. Arċisqof imexxi Quddiesa Stazzjonali Konċelebrata fil-KonKatidral ta’ San Ġwann, fid-9.15 a.m.

Il-Ħadd, 26 ta’ Diċembru, mid-9.00 a.m. sal-11.30 a.m. l-Arċisqof se jkun il-Kurja, Floriana, biex jilqa’ lil kull min jixtieq iżuru personalment biex jagħtih l-awguri ta’ żmien il-Milied u l-bidu ta’ Sena Ġdida. Dħul mill-bieb ta’ San Kalċedonju fi Triq Vincenzo Bugeja. L-Arċisqof se jkun akkumpanjat mill-Isqof Annetto Depasquale u l-Arċisqof Emeritus Ġuzeppi Mercieca.

Fil-31 ta’ Diċembru, l-Arċisqof imexxi l-Konċelebrazzjoni ta’ Jum il-Paċi 2010, li ssir fil-Konkatidral, fil-5.30 p.m. Jitkanta wkoll it-Te Deum. Jum il-Paċi jiġi ċċelebrat fl-Ewwel Jum tas-sena.