•  
      • Nhar is-Sibt l-1 ta’ Ottubru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna, f’Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa, bierek kurċifiss ġdid fil-Presbiterju tal-Knisja Parrokjali tal-Immakulata Kunċizzjoni, il-Ħamrun. 
         

        Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

      • Knisja Parrokkjali tal-Kunċizzjon, il-Ħamrun

        1 ta’ Ottubru 2016

        “Mulej, kemm se ndum nokrob għall-għajnuna u int ma tismax?” (Ħab 1, 2).

        Fil-bidu ta’ Settembru kelli l-opportunità mmur Londra biex niċċelebra l-festa nazzjonali mal-Maltin t’hemmhekk, u żort ukoll lill-morda li jmorru għat-terapija, f’diversi sptarijiet ta’ Londra u anke Sutton fejn Puttinu Cares kif tafu, għandhom diversi appartamenti. Meta tiltaqa’ ma’ min għaddej mill-mard kiefer, mhux bilfors Londra imma anke hawnhekk, inti tiltaqa’ wkoll ma’ nies li qed jitolbu l-interċessjoni tal-qaddisin, tal-komunità, biex il-Mulej jagħtihom il-fejqan. Tisma’ wkoll fil-qalb ta’ ħafna nies, speċjalment il-ġenituri tat-tfal iż-żgħar li huma morda, imma mhux biss, din il-karba tal-profeta Ħabakkuk: “kemm se ndum nokrob għall-ghajnuna, Mulej, u inti ma tismax?”.

        Dik kienet l-esperjenza anke tal-Iben fuq is-salib. “Eloi, Eloi, lema sabaqtani?, Alla tiegħi, Alla tiegħi għaliex tlaqtni?” (Mk 15, 34). Quddiem ħafna tbatija fid-dinja, quddiem id-diżastri naturali li aħna m’għandniex spjegazzjoni. “Għaliex hemm u mhux hawn, għaliex miet dak il-persuna u mhux l-oħra?” Il-Mulej qiegħed jagħtina tixbiha qaddisa ta’ Ibnu msallab, ta’ dan l-abbiss ta’ deżolazzjoni u fl-istess ħin abbiss ta’ mħabba.

        Il-karba li biha tibda l-profezija ta’ Ħabakkuk li smajna llum kienet ukoll il-karba tal-Mulej Ġesù fuq is-salib. Aħna u nħarsu lejn il-kurċifiss ningħaqdu mal-appostli huma u jitolbu lill-Mulej: “kattar fina l-fidi” (Lq 17, 5). Din it-talba tfisser li aħna m’għandniex ir-risposta għad-domandi l-iżjed kiefra tal-ħajja. M’għandix jiena risposta li tispjega lil xi ħadd għaliex it-terremot tal-Abruzzo – li ġbarna b’ġenerożita kbira għalih xahar ilu – qatel tant nies, u li laqat fl-erbgħa ta’ filgħodu, m’għandniex risposta. Dawn il-mumenti diffiċli jafu wkoll ifixklu l-fidi ta’ wħud biex ma ngħidx tal-ħafna. L-omm li lbieraħ mietet b’mod vjolenti, kif se tispjega lill-ħames uliedha? Quddiem dawn ir-realtajiet tat-tbatija, tad-diżastri naturali, tal-kefrija tal-bniedem, id-domanda ssir talba “kattar fina l-fidi”.  

        Ġesù fuq is-salib huwa wkoll skola ta’ libertà u ubbidjenza għaliex, kif jgħallimna San Tumas d’Akwinu, kif jgħallimna San Ġorġ Preca li min jaf kemm irrepetieha f’dawn l-inħawi San Ġorġ Preca, il-Kurċifiss huwa ‘l-Ktieb il-Kbir’. F’kull paġna ta’ dan il-ktieb hemm xi virtù x’nitgħallmu. Paġna sabiħa mill-‘Ktieb il-Kbir’ li huwa l-Kurċifiss hija l-paġna tal-ubbidjenza: “għamilna biss dak li kellna namgħlu” (Lq 5, 10). Mhux ta’ b’xejn u b’mod tant meqjus u approprijat fit-tnax l-stazzjon tal-Via Cruċis fil-Knisja, hemm miktub dik il-kelma li tiġbor kollox, waħda mis-seba’ li qal Ġesù fuq is-salib: “kollox mitmum”, “consummatum est” (Ġw 19, 30). “Jiena għamilt ir-rieda tiegħek. Għamilt dak li kelli nagħmel” (ara Lq 22, 42). Aħna li għandna l-fidi dgħajfa, li ħafna drabi għal kull ma nagħmlu nippretendu li għandna qisu call account mal-Mulej u jitfagħlna ftit iżjed fil-credit, imbagħad nagħmlu xi waħda tal-ħmir u jkollna naqra debit, ikollna d-dejn minflok naqilgħuh.

        Il-Mulej dan kollu ma tantx jagħti kasu għax aħna qegħdin ninawguraw u nbierku din ix-xbieha tas-Salib Imqaddes u tal-Kurċifiss fis-Sena tal-Ħniena. Jekk hemm ikona li turina kemm hi kbira l-ħniena tal-Mulej, huwa Ġesù Kurċifiss. Aħna u nħarsu lejn din ix-xbieha ta’ dinjità kbira, ta’ ħlewwa kbira, ejjew inħarsu lejh, bħalma qal hu stess lil Nikodemu, bħalma Mose’ għolla s-serpent fid-deżert biex kull min hu migdum iħares lejh u jfiq. Hekk ukoll jitgħolla Bin il-bniedem biex kulħadd ikun jista’ jsalva. L-ubbidjenza tgħallimna li aħna nintelqu f’idejn ir-rieda tal-Mulej, speċjalment meta jkollna d-domandi u t-toqol tal-ħajja, li huwa kollu miġbur fix-xbieha qaddisa ta’ Ġesù Msallab. Agħmel, Mulej, li x-xbieha tiegħek tagħtina qawwa u tkattrilna l-fidi dgħajfa tagħna.

         Charles J. Scicluna
             Arċisqof ta’ Malta

    •