Wara waqfa ta’ sentejn minħabba l‑pandemija, din is‑sena d‑Dar tal‑Providenza se terġa’ torganizza l‑Maratona tal‑Volleyball b’risq id‑Dar tal-Providenza. 40 plejer maqsuma f’ħames timijiet se jkunu qed jilagħbu l‑volleyball għal 53 siegħa sal-Ħadd f’nofsillejl.

Dan qalu Dun Martin Micallef, id‑direttur tad‑Dar tal‑Providenza, f’konferenza tal‑aħbarijiet li fiha ngħataw dettalji dwar it‑12‑il edizzjoni ta’ din il‑maratona.

Il‑maratona se terġa’ ssir fil‑carpark tad‑Dar tal‑Providenza fis‑Siġġiewi, minn għada l‑Ġimgħa l‑1 ta’ Lulju sal‑Ħadd 3 ta’ Lulju 2022. Il‑President ta’ Malta George Vella se jinawguraha għada fis‑6pm. Kull filgħaxija se jkun hemm spettaklu mużikali fuq il‑palk prinċipali, ikel u logħob għat‑tfal. Il‑maratona se tingħata wkoll f’xandira diretta fuq l‑istazzjonjiet ewlenin kif ukoll fuq il-website u l-paġna ta’ Facebook tad‑Dar tal‑Providenza.

Dun Martin Micallef fakkar li l‑pandemija tal‑COVID‑19 ma kinitx żmien faċli għad‑Dar tal‑Providenza, imma minkejja dan sar minn kollox biex ir‑residenti jbatu mill‑inqas mill‑iżolament li ġab miegħu dan iż‑żmien diffiċli. Hu qal li ħafna mill-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi tista’ tgħid waqfu għalkollox f’dawn is-sentejn għalhekk din il‑maratona, li qed terġa’ tiftaħ kalendarju ta’ attivitjiet ta’ ġbir ta’ fondi, hi tant importanti.

Dun Martin ħabbar ukoll li fix‑xhur li ġejjin id‑Dar se tibda proġett ambizzjuż ta’ rinovar ta’ erba’ flats f’Villa Papa Giovanni, fis‑Siġġiewi, liema proġett ma setax jibda minħabba problemi marbuta mal‑pandemija. Ħeġġeġ lill‑pubbliku Malti u Għawdxi biex waqt il-maratona jiġi jissapportja l‑plejers li b’sagrifiċċju kbir se jkun qed jidħlu għal din l‑isfida kif ukoll biex jgħinu lid‑Dar tal‑Providenza bid‑donazzjonijiet tagħhom.

Emmanuel Zammit, Chairperson tal‑kumitat tal‑Maratona tal‑Volleyball, qal li barra l‑40 plejer li se jkunu l-protagonisti ewlenin ta’ din il-maratona, se jkun hemm ukoll madwar 200 voluntier. Irringrazzja l‑isponsors  kollha, b’mod partikolari l‑Bank of Valletta li hu l‑isponsor ewlieni tal‑Maratona, l‑istazzjonijet ewlenin tat‑televixin li se jkunu qed ixandru l‑maratona u lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor qed jgħinu biex din il‑maratona tkun suċċess. 

Il-pubbliku jista’ jgħin billi jċempel fuq in-numri t’haw taħt, juża l-BOV Mobile Banking jew il-PayPal jew jagħti donazzjoni online fil-kontijiet bankarji tad-Dar mal-APS Bank, BOV, HSBC, Lombard Bank u BNF Bank.  Għal aktar informazzjoni żur www.sabihlitaghti.org

  • €10         5160 2011
  • €15         5170 2012
  • €25         5180 2013
  • €50         5190 2070
  • €100   5130 2044
  • Pledge Line: 2146 3686
  • BOV Mobile  7932 4834

Sors: Newsbook.com.mt