L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Missieri għadu jaħdem sa issa. Mela naħdem jien ukoll”. Smajna dan il-kliem ta’ Ġesù li hu jgħid lill-ġemgħa tal-Lhud, proprju fl-Evanġelju tal-lum skont San Ġwann. Xi jrid jgħid biha li l-Missier “għadu jaħdem”? X’inhi din il-ħidma? Nifhmu dal-kliem ta’ Ġesù meta naraw ir-rakkont li ġie qabel, il-fejqan ta’ bniedem li kien ilu 38 sena marid, u Ġesù qallu: “Qum, aqbad friexek, u imxi”. Imma dakinhar fejqu f’jum is-Sibt, u nħolqot polemika mal-ġemgħa tal-Lhud li ma kinux jaċċettaw li Ġesù jfejjaq f’jum is-Sibt. Għalhekk l-Evanġelju jgħid li aktar ħraxu għal Ġesù, għax fejjaq f’jum is-Sibt.

U r-risposta ta’ Ġesù kienet din: “Missieri għadu jaħdem sa issa. Mela naħdem jien ukoll”. Jiġifieri lil Missieri tqimu f’jum is-Sibt, imma l-ħidma tiegħu fid-dinja hi kuljum. Kull ġurnata. Mhijiex marbuta ma’ ġurnata partikulari. U jekk jagħmel il-ġid, jagħmlu kuljum. U x’hemm aktar ta’ ġid mill-fejqan ta’ bniedem li kien ilu dawk is-snin kollha marid? Għalhekk, il-Missier jaħdem, u Ġesù jrid iwassal dan il-messaġġ: li hu wkoll jaħdem u jagħmel il-ġid kuljum. Anke jekk ikun jum is-Sibt, għandek tifraħ li xi ħadd reġa’ ħa saħħtu mill-ġdid.

Ħa nħarsu ftit lejn Ġesù. Huwa dak li juri dejjem kompassjoni u mħabba għal kull persuna, u speċjalment għal dawk li huma l-aktar fil-bżonn u li l-aktar qed ibatu. Tolqotna ħafna f’Ġesù li hu mhuwiex ikkundizzjonat mill-ġemgħa, mill-folla tan-nies, imma jagħmel dak li għandu jagħmel anke jekk dawn joġġezzjonaw. Seta’ qal: biex ma jgħidu xejn, biex ma joħolqux ħafna kjass, ħalli nfejqu ġurnata ohra. Imma Ġesù fejqu f’jum is-Sibt, anke jekk kien jaf li din se toħloq polemika mil-Lhud ta’ dak iż-żmien u se joġġezzjonaw u jirrabjaw għalih. Għax Ġesù qatt ma kien ikkundizzjonat min-nies.

Li kien ifittex Ġesù – joħroġ ċar dan mill-Evanġelju tal-lum – hu li jagħmel ir-rieda tal-Missier, għax hu kien ħaġa waħda mal-Missier. Għalhekk: mhux x’tgħid il-folla, imma xi jrid minnu l-Missier. “Jien ma nfittixx ir-rieda tiegħi, imma r-rieda ta’ min bagħatni” – hekk jgħid Ġesù hawn. Nafu li din hi spjega tal-ħajja kollha tiegħu, sal-mument tat-tbatija kbira fil-Passjoni meta kien l-Ort tal-Ġetsemani, meta talab lill-Missier ibiegħed minnu l-kalċi tat-tbatija, “imma tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi” (Lq 22:42).

Ġesù qatt ma kien ikkundizzjonat min-nies.

Ħa nħarsu lejn in-nies, il-ġemgħa tal-Lhud li kienet miġbura hemm. Tolqotna ħafna r-rabta li kellhom ma’ jum is-Sibt. Kienet ħaġa tajba li jiċċelebraw Jum is-Sibt bħala Jum il-Mulej. Imma li ġara kien li maż-żmien saru tant riġidi, li flok is-Sibt kien għall-bniedem, il-bniedem kien għas-Sibt, kif kien qalilhom Ġesù. Ma ridux jafu, lanqas meta raw bniedem li kien ilu dawk is-snin kollha marid jieħu saħħtu mill-ġdid. Kif jista’ jkun tara xi ħaġa bħal dik u ma tifraħx, ma tiċċelebrax, u ma tgħidx: din hi l-ħidma ta’ Alla, dan hu sinjal li Alla li qed jaħdem fostna? U kellhom preġudizzju kbir kontra Ġesù, b’mod li ma kienu jaraw xejn ħlief ħażin. Anke meta jfejjaq, kienu qalbhom tant magħluqa għalih li mhux biss ma kinux jifirħu b’dan, imma kienu aktar jitħeġġu kontra Ġesù. Iktar ma jagħmel il-ġid, iktar iduru kontrih. Hawn jgħidlek: “mhux biss għax kien jikser is-Sibt, imma wkoll għaliex lil Alla kien jgħidlu Missieru u kien iqis ruħu daqs Alla”. Għalhekk riedu joqtluh.

Nagħmlu llum it-talba lill-Mulej biex aħna, kif għallimna hu, lil Alla nsejħulu Missierna, kif nagħmlu fit-talba tal-Missierna; li nfittxu li nagħmlu r-rieda tiegħu, kif ngħidu wkoll fit-talba tal-Missierna, “Ikun li trid int” – ir-rieda tiegħu tkun dik li tmexxina f’ħajjitna. U nitolbuh jilliberana minn qalb iebsa u riġida li mhijiex kapaċi tifraħ b’dak li hu sabiħ u tajjeb, u li bħalu niftakru li l-prijorità għandha tkun is-saħħa u l-ħajja ta’ kull persuna.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju