• Il-Messaġġ tal-Arċisqof

  • L-Awtidorju tal-M.U.S.E.U.M., Blata l-Bajda
    6 ta’ Mejju 2015
     

    L-ewwelnett nirringrazzjakom ħafna ta’ din il-laqgħa tal-lejla. Huwa diffiċli ngħid x’qed inħoss bħalissa għax naħseb li Dun Ġorġ, meta jħares lejn Malta, jgħid: “ġibtha żewġ fl-aħħar!”

    Tiftakru li meta s-Soċjetà għalqet 50 sena, Dun Ġorġ irrakonta l-ewwel laqgħa tiegħu mal-Arċisqof Mawru Caruana, li qed niċċelebraw il-100 sena mill-miġja tiegħu fid-djoċesi tagħna. L-ewwel laqgħa li Dun Ġorġ kellu miegħu kienet ħarxa, u jekk m’iniex sejjer żball, l-Arċisqof Caruana qallu: “inti min taħseb li int?” U Dun Ġorġ, bis-soltu umiltà u ntelliġenza tiegħu qallu: “jiena m’jien ħadd ħlief serv umli tiegħek”. U hemmhekk Mauro Caruana beda jinħall ftit ftit. Din l-istorja Dun Ġorġ irrakkuntaha f’Raħal Ġdid, fl-1957, meta s-Soċjetà nġabret f’dik il-knisja kbira biex tiċċelebra l-50 anniversarju mit-twaqqif tagħha. Mons. Gonzi, l-Arċisqof ta’ dak iż-żmien, li b’xi mod semgħu lil Dun Ġorġ, qallu: “kemm kont makakk Dun Ġorġ”. Dun Ġorġ pront irrisponda, “kieku kont makakk ma kontx ngħidha quddiemek għax int Isqof bħalu”. Nellie laħqet qaltli, u din mhijiex miktuba imma qalithieli f’waħda miż-żjarat tiegħi għandha biex nismagħha titkellem fuq Dun Ġorġ, li l-posta li kienet tasal dejjem kienet tagħtihielu wara l-ikel, għax meta kien jara xi ittra mill-Kurja kien jaqta’ l-aptit.

    Dun Ġorġ kellu din ir-relazzjoni mal-Isqfijiet, relazzjoni ta’ kull fundatur li għandu kariżma, li għandu don minn Alla, li jħoss li dan id-don irid jissottomettih lid-dixxerniment tal-Knisja. Imma kif jgħid ukoll id-dokument Mutuae Relationes, fil-kapitlu straordinarjament sabih fuq id-dixxerniment tal-kariżmi, jgħid li r-rwol tal-Isqof huwa propju dak li d-dixxerniment jagħmlu wkoll b’mod rett u rigoruż. U allura d-dixxerniment veru tal-kariżma ma jistax ikun eżenti mis-salib. Jiġifieri, jekk hawn xi ħadd minnkom li għandu l-idea brillanti li jwaqqaf xi ħaġa fid-Djoċesi, nippreparah għal battikata għax din tiġi propju mad-don tal-kariżma. Dan id-dixxerniment li l-Mulej jippermetti minn ġewwa permezz tal-ġerarkija, jippurifika lil fundatur u jagħmel li d-don tal-Ispirtu s-Santu jkun verament sabih għaliex imżejjen bis-sinjal tat-tbatija.

    Jiena nixtieq nieħu spunt mil-kwadru li jidhirli li hu ta’ Pulo. Innutaw ftit kemm hemm personaġġi? Ħa nagħmel xi ħaġa bħalma kien jagħmel Ċikku Saliba. Kemm hemm persunaġġi f’dal-kwadru?  Hawn min qed jgħid erba’, jien ngħidilkom li hemm ħamsa għax hemm il-ħaruf ukoll. Ħa nibda mill-ħaruf li jidher fir-rokna. Ġeneralment il-ħaruf huwa dejjem ma’ San Ġwann il-Battista u allura ma tagħtix kaz tiegħu. Darba, Mons. Alfred Xuereb lill-Papa Benedittu qallu: “issa dawn il-qaddisin kollha bl-annimali ma’ ġenbhom? Santu Rokku bil-kelb, San Duminku wkoll bil-kelb, San Rafel bil-ħuta, San Ġiljan biċ-ċerva bil-qrun, San Ġwann bil-ħaruf…”. U l-Papa Benedittu lil Mons. Xuereb qallu: “Jiena naħseb li hija ħaġa sabiha ħafna għax il-qaddisin tirrendihom iżjed umani”. Kemm għandna bżonn niddemitoloġiżżaw il-qdusija biex il-qdusija ma tkunx xi ħaġa irraġġunġibbli, kemm għalina, nibda l-ewwel wieħed jien, u anke għal kull wieħed u waħda minna, u għal dawk li se nevanġelizzaw. San Pawl kien isejjah lil ħutu: intom il-qaddisin. Il-qdusija hija l-istil tal-ħajja tan-nisrani.

    Illum żort il-PBS qabel ġejt hawn, u kien hemm wieħed mid-diretturi li waqt id-djalogu li kellna kkwotali frażi  ta’ Oscar Wilde. Jiena, ngħidilkom il-verità, qatt ma kont smajtha imma laqtitni u se naqsamha magħkom. Oscar Wilde qal hekk, ‘Every saint has a past and every sinner has a future’. Taqta’ qalbek la minnek innifsek u lanqas minn ħadd, għax il-qaddisin għandhom l-istejjer tagħhom u mhux kollha miktubin. U kull midneb, jiġifieri aħna, hemm futur għalih, hemm tama għalih. Dan il-bniedem nafu li għadda mill-kalvarju kbir għaliex kien baħnan biżżejjed li lil missier l-ħabib tiegħu jtellgħu l-Qorti għal-libell, imbagħad il-libell dar għal Oscar Wilde, u għaliex kien gay u kien jipprattika wkoll, bagħtuh il-lavuri forzati sakemm imbagħad miet fl-eżilju fi Franza. Hu miet ta’ Kattoliku. Qabel miet, Oscar Wilde talab li jiġi milqugħ fil-Knisja Kattolika u miet mewta qaddisa ta’ Kattoliku ġewwa Franza. Hu kien jgħid: “the Anglican Communion is the best Church to live by, but the Catholic Church is the best Church to die in”. U hekk għamel hu, b’xi mod għex ta’ Anglikan u miet ta’ Kattoliku, u ġiebha żewġ hu wkoll. Kemm hemm bżonn ikollna dan l-atteġjament pożittiv meta niltaqgħu mal-bniedem tal-lum. Every saint has a past, every sinner has a future.

    Din il-ħaġa jgħallimielna Ġwanni għax, nibda minnu, Johanan Alla ħanin. Ikollna nagħmlu riflessjoni fuq l-ismijiet kif nixtieq nipproponilkom il-lejla ħalli anke dak li qed ngħid jibqa’ maqgħud ftit ma’ din il-pittura verament sabiha fis-sempliċità tagħha, imma tant hi qawwija.  Ġwanni jipprietka l-ħniena waqt li jxandar wieħed mill-ismijiet l-iżjed rikki tal-Mulej Ġesu: Agnus Dei, il-ħaruf ta’ Alla.  Għandi l-impressjoni li fis-Salm ta’ Patri Franku, Dun Ġorġ jikkontempla t-Trinità u jgħid “Min jista’ jibża’, min jista’ jaqta’ qalbu minn dan Alla tagħna, Missier ħanin, ħaruf u ħamiema?” Dawn l-immaġini ta’ ħniena, ta’ viċinanza, ta’ manswetudni! Kif tafu, il-kelma ħaruf bl-Aramajk hija, mhux biss ħaruf, imma hija wkoll qaddej u iben. L-istess kelma bl-Aramajk, kif x’aktarx xandar għall-ewwel darba l-isem lid-dixxipli tiegħu Ġwanni l-Battista meta qalilhom: “dan hu l-ħaruf t’Alla, li l-Mulej qed jagħtina bħala sagrifiċċju”. Bħalma qal Abraham: “Il-Mulej jipprovdih hu l-ħaruf għas-sagrifiċċju”, Deus providebit. Hu l-Mulej stess li pprovda l-ħaruf u tahulna f’Ibnu l-għażiż. Imma qed jgħidilhom ukoll: “Dan hu l-qaddej t’Alla, il-qaddej tal-Mulej” li aħna naqraw il-kantiku tiegħu minn Isaija f’kull jum tal-Ġimgħa Mqaddsa, “Dan huwa l-Iben ta’ Alla, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem”.

    Hemm ukoll Mikiel. Min hu bħal Alla? Min hu bħal Alla? L-isem ta’ Mikiel ifakkarna fil-primat ta’ Alla fil-ħajja tagħna. Alla jrid ikun l-kriterju, irid ikun ir-re tal-qalb tiegħi, irid ikun il-motivazzjoni ta’ ħajti, id-destin tal-eżistenza tiegħi. Għax min hu bħal Alla? X’hemm li jista’ jtaffili l-għatx ta’ ruħi? X’hemm li jista’ jmantnini? X’hemm li jista’ jħarisni daqs Alla? Min hu bħal Alla? L-għajta ta’ Mikiel fl-isem tiegħu mhijiex biss għajta ta’ vittorja jew ta’  vendetta, imma hija propożizzjoni, hija proposta: jekk inti se tagħżel, wara min se tmur? Min  hu bħal Alla? Min hu bħal Alla?

    L-aħwa, kemm hemm bżonn li fil-missjoni tagħna u fil-ħajja tagħna nistabbilixxu kontinwament, għax din hija taqtigħa mal-egoiżmu tagħna, mal-alla ta’ din id-dinja, il-primat ta’ Alla, ħaj u veru, fidil u veru, Fidelis et Verax. Meta taqraw il-motto tiegħi ħudu paċenzja, l-ewwel aħsbu f’Ġesu Kristu, mhux fl-Isqof, għax dak huwa t-titlu ta’ Kristu fl-Apokalissi kapitlu 19 vers 11. L-Isqof jalla jkun fidelis et verax, imma jiena l-esperjenza tiegħi f’ħajti li Alla għalija huwa, u kien, u jibqa’ fidil u veru. Hu dak li ma jqarraqx bija u dak li jgħidli l-kliem tal-verità. U jien biex inkun ragħaj għall-merħla tiegħi u għalikom irrid inkun bħalu: fidil u veru!  La nqarraq bikom, u l-kliem, għax mhux tiegħi, ikunu kliem ta’ verità.

    Anke intom, għaliex fil-viżjoni tal-kapitlu 19 mill-Apokalissi, il-Verbum Dei, dak li huwa riekeb iż-żiemel l-abjad, li huwa fidelis et verax, għandu warajh eżerċtu ta’ dixxipli rekbin ukoll żwiemel bojod qegħdin isegwuh. Jekk tinnutaw, fl-ikonografija, l-ikoni ta’ San Ġorġ, San Pawl fuq iż-żiemel, iż-żiemel tad-dixxiplu huwa żiemel abjad. Iż-żiemel abjad huwa dak li jirkeb id-dixxiplu, jimita lill-Mulej tiegħu rebbieħ, imma fidil u veru, dak li ħasel il-libsa tiegħu fid-demm, imxarrba bid-demm. Id-dixxipli ħaslu l-libsa tagħhom fid-demm tiegħu, fid-demm tal-Ħaruf. Min hu bħal Alla? Ħadd! Kemm hemm bżonn li f’din l-art ħelwa tagħna naħdmu biex Alla, u din hi l-lamentazzjoni ta’ San Ġorġ, ma jkunx żero kbir imma jirrenja fil-qlub tagħna lkoll kemm aħna.

    Hemm ukoll Paulus. Pawlu ismu jfisser ‘żgħir’, Paulus. Jiena għammduni Charles imma ġejt Paulus. Paulus, l-isem Ruman għaliex ħafna studjużi jgħidu li dan mhux l-isem tal-magħmudija tiegħu. Huwa kien Sawl, isem Lhudi, imma bħala cives Romanus aktarx adotta l-isem Paulus, jew tawhulu. Jgħidu wkoll li kien ta’ statura ċkejkna, imma dik m’għandhiex x’taqsam, għaliex dik irrelevanti ħdejn il-figura gġanteska li aħna f’Malta ġustament nivveneraw bħala l-fundatur tal-Knisja tagħna. U l-Knisja tagħna, bħas-Soċjeta li waqqaf Dun Ġorġ, twaqqfet fl-umiltà. Minn nawfragu, ħabsi, min xandrilna l-kelma ta’ Kristru, ma ġiex ta’ imperatur fuq xi frejgata ndurata imma wasal fostna imxarrrab għasra, ħabsi li evidentement kellu l-kelma tal-ħelsien.  U għalhekk, il-kelma li xxandritilna fid-dgħufija lilna ġabitilna l-fejqan, u hekk għandu jkun fil-missjoni tagħkom. Tibżgħux mill-fatt li intom, il-kelma ta’ Kristu xxandruha fid-dgħufija, fid-dgħufija tal-kapaċitajiet tagħkom, fid-dgħufija u l-limiti tan-numru u tal-mezzi tagħkom. Qisu imma li tkun il-kelma ta’ Kristu u li ġġib fejqan. Intom qegħdin tiltaqgħu ma’ sitwazzjonijiet familjari tant diffiċli, qed tiltaqgħu ma’ tfal u ma’ żgħażagħ li huma mweġġgħa’, qed iġorru l-feriti ta’ sitwazzjonijiet familjari assolutament trawmatizzanti. Intom tridu twasslu l-fejqan. Dan nitlobkom: qabel iddawwlu l-moħħ, rattbu l-qalb, dewwu l-ġerħat ta’ tfal bniet u subien, żgħażagħ, ġuvintur u tfajliet li l-unika mod biex jgħidu lid-dinja li ‘jien neżisti’, huwa li jweġġgħu lilhom infushom, bis-self harm. Mhux qed niġġeneralizza, imma jiena naf li intom dawn tiltaqgħu magħhom. Tibżgħux minn dan l-ambjent tad-dgħufija għax aħna fl-istess baħar qegħdin. Imma morru l-Qasam biex tgħallmu għaliex dak hu l-ambjent fejn qed jitolbuk tagħmel is-sajda Mużewmina bil-kuraġġ tal-appostlu tal-fidi, bħalma kien il-fundatur li jaf bil-limitazzjonijiet tiegħu imma jaf ukoll bil-qawwa tal-Evanġelju li tfejjaq.

    Aħna u nibdew dan it-tridu, sellimna lil fundatur, Dun Ġorġ, mingħajr marċi u festi. Aħna u nibdew dan it-tridu ideali għal-festa liturġika tal-fundatur fid-9 ta’ Mejju, li huwa wkoll Jum l-Ewropa, ejjew naħsbu ftit fuq iż-żewġ titli li s-Soċjetà għażlet biex issellimlu, biex tpattilu ta’ kemm strofi għamel hu biex isellem tant qaddisin.

    Intom għażiltu żewġ titli sbieħ ta’ Dun Ġorġ: Ħabib tal-Evanġelju, Appostlu tal-Fidi. It-titlu ‘Appostlu tal-Fidi’ tawhulu t-teoloġi meta ddiskutew u ddeċidew l-erojċità tal-virtujiet tiegħu. Diversi qalu: “Questo e un vero apostolo della Fede”. Appostlu tal-fidi! Imbagħad din daħlet ukoll fid-dokumenti, kemm tal-beatifikazzjoni u anke tal-kanonizzazzjoni. Ħabib tal-Evanġelju! Il-ħabib huwa dak li ma jidhirx hu imma jħalli lill-ħabib tiegħu jidher, u aħna hekk irridu nagħmlu. Niftakru f’dak li qal Ġwanni, ‘hemm bżonn li jiena niċkien’, anke jiena hemm bżonn li niċkien, ‘biex jikber hu, biex jikber hu!’ Oportet, hemm bżonn, hemm bżonn!  “U dan hu l-ferħ tiegħi”, jgħid Ġwanni, “jiena nisma’ leħen il-għarus u jiena nwasslu lill-poplu”. Hekk ukoll irid jagħmel il-katekista. Għożżuh lil Ġwanni l-Battista bħala l-patrun tagħkom, għax hu jgħinna nħejju t-triq għall-Mulej, jgħinna nidħlu fl-ispirtwalità ta’ min ma jibżax jiċċekken biex fih jikber Ġesù fuq il-preżenza tiegħu.

    Jiena nieħu l-opportunità biex, mhux biss nirringrazzjakom, imma nberikkom tax-xogħol li tagħmlu. Nagħmlilkom il-kuraġġ, taqtgħux qalbkom, m’hemmx għalfejn ngħidlkom li għandi bżonnkom, imma ħa ngħidilkom: għandi bżonnkom!  Tinsewx li l-missjoni li l-Mulej għażilkom għaliha hija l-missjoni tiegħu stess, dak li qalilna: “Tgħallmu minni”,  dak li qalilkom: “Morru u għallmu lill-ġnus kollha, imbagħad għammduhom fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu”.

    Illum, aħna u nippreparaw għall-festa tal-fundatur, għandi l-pjaċir inħabbrilkom li fid-9 ta’ Mejju, festa liturġika tal-fundatur, jiena niffirma d-digriet li bih ninnomina lil Fr Kevin Schembri bħala l-Assistent Ekkleżjastiku l-ġdid u Rettur tal-Knisja tal-Midalja Mirakoluża. Imma jiena nixtieq ukoll – naf li Dun Ġorġ m’hu se jgħid xejn, anzi jgħidli allaħares ma nagħmilhiex – f’isimkom nirringrazzja ħafna lil Mons. Lawrence Gatt ta’ dawn is-snin ta’ fedeltà eżemplari, ta’ fedeltà eżemplari. Mons, aħna m’għandniex kliem biex ngħidulek grazzi, imbagħad is-Soċjetà tara hi kif se tagħmel, naf li tagħmel dejjem kollox sew għax tal-MUSEUM. Nirringrazzjak tassew Mons. Gatt, u nixtieq nawguralek ħafna Fr Kevin li inti u tirrapreżenta l-imħabba tiegħi lejn is-Soċjetà, u nagħtik biċċa minn qalbi biex tkun dejjem preżenza tiegħi fost dawn l-aħwa tiegħi, inti twassal ukoll l-entużjażmu u l-imħabba tiegħek lejn San Ġorġ Preca u lejn il-patrimonju spiritwali tiegħu, mhux biss lis-Soċjetà, għax dik tieħu ħsieb tagħha nnifisha, u aħna  nitgħallmu ftit minnhom, imma li l-knisja fejn hawn il-fdalijiet qaddisa tal-fundatur tkun santwarju ta’ ħniena, ta’ fejqan u ta’ tagħlim.
     

    Is-sinjura Marija magħna!

    ✝ Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta
  • Lorem ipsum dolor sit amet,consectetur adipiscing elit. Nunc nec nisi nec dolor facilisis convallis. Maecenas faucibus luctus est et vulputate. Sed dictum dapibus eros, eget sodales libero ullamcorper vitae. Praesent quis cursus lacus, nec vulputate orci. Suspendisse sed enim varius, pharetra est a, egestas libero. Quisque at urna libero. Aenean mauris nisi, egestas nec varius porta, eleifend sed magna. Quisque at tempor sem.