L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Kunu għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem” (Mt 10:16). Dan kien il-kliem li Ġesù qal lill-Appostli meta qalilhom li se jibgħathom “bħal nagħaġ qalb l-ilpup”. Hu kliem li kien utli ħafna għalihom, u siewi tassew għalina llum.

Ġesù għaqqad flimkien l-għaqal u s-safa. Għaqqad flimkien żewġ aspetti li t-tendenza tagħna hi li  nqiegħduhom kontra xulxin. U tifhem għaliex. Aħna lill-ħamiema nassoċjawha mal-paċi, mal-Ispirtu ta’ Alla. Imma mhux hekk is-serp. Għalina s-serp ifisser il-qerq, u niftakru fl-istorja tal-Ġenesi meta s-serp qarraq b’Eva. Imma l-għaqal li qed jitkellem fuqu Ġesù mhuwiex il-qerq. Ġesù dejjem tkellem kontra l-qerq. Hu jrid li l-Appostli tiegħu jagħrfu kif għandhom jużaw l-intelliġenza, l-għerf tagħhom, biex jagħmlu t-tajjeb, jagħmlu l-ġid, u ma jħallux min iqarraq bihom. U ma jkunux huma stess li jqarrqu bl-oħrajn.

Mhux hekk kien dan l-amministratur li jsemmi lil Ġesù fil-parabbola. Ma għaqqadx flimkien dawn iż-żewġ aspetti li semma Ġesù: l-għaqal u s-safa. Dan, meta induna li ġejja ħażina, li se jitkeċċa, minħabba l-akkuża li berbaq ġid is-sid – bħala amministratur kellu responsabbiltà li jieħu ħsieb dan il-ġid – meta induna hekk, ħaddem rasu. Għamel hekk biex isib il-ħbieb, u jsib mod kif jaġevola lilhom u, fl-istess waqt, imur tajjeb hu; b’mod li dawn spiċċaw midjunin mas-sid u midjunin ukoll miegħu. Dan ħaddem rasu b’dal-mod mhux għax kienu jeżistu għalih l-onestà, l-integrità – xejn minn dan – imma biex hu jmur tajjeb, għall-interessi tiegħu.

Ġesù jgħid li s-sid faħħar lil dan l-amministratur. Ma faħħrux għax kien diżonest, imma għax għaraf iħaddem moħħu. Imma Ġesù ma faħħrux. Fl-Evanġelju jqiegħdu ma’ “ulied id-dinja” f’kuntrast ma’ “ulied id-dawl”. Iktar ’il quddiem fl-Evanġelju, Ġesù jitkellem fuq min hu diżonest fil-ftit li jkun diżonest fil-ħafna. Għalhekk Ġesù żgur mhux qed ifaħħar id-diżonestà, imma qed jgħid lid-dixxipli biex iħaddmu rashom, joqogħdu attenti, jiftħu għajnejhom biex ħadd ma jqarraq bihom u ħadd ma jidħaq bihom; u biex l-intelliġenza li Alla tahom huma jużawha għall-ġid, mhux biex iqarrqu bl-oħrajn.

Dan hu messaġġ li jagħtina wkoll lilna llum biex dejjem ikollna għajnejna miftuħa; biex ma nħallu lil ħadd iqarraq bina, jew idaħħalna f’xi basla jew jagħmilna kompliċi fil-ħażen tiegħu. Għalhekk hemm bżonn ħafna għaqal. Fl-istess waqt, nużaw l-intelliġenza li Alla tana għall-ġid, biex nagħmlu l-ġid lill-oħrajn u qatt ma nkunu aħna li b’xi mod inqarrqu b’ħaddieħor jew nidħqu b’ħaddieħor.

Nitolbu lill-Mulej din il-grazzja llum, li kif qal hu lill-Appostli tiegħu, aħna nkunu għaqlin bħas-sriep imma safjin bħall-ħamiem.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju